Friday, March 13, 2026

Neil Pace Cocks … garanzija għal Naxxar Lions

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabbba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont għadni żgħir ħafna. Missieri kien jilgħab il-futbol u ġieli kont immur narah, u meta mmur għand in-nannu kien joqgħod jurini l-album tal-karriera tiegħu u jirrakkontali meta kien jilgħab mas-Sliema, Hamrun u t-tim nazzjonali u ta’ tliet snin bdejt nilgħab man-Nursery tal-Luxol.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tragward tal-100 partita ma’ Naxxar Lions li lħaqt riċentement?

Huwa tragward sabiħ ħafna għax mhux kulħadd jirnexxielu jilħqu, iktar u iktar għat-tieni darba. F’dawn il-100 logħba irnexxieli nikseb promozzjoni fl-ewwel staġun u dan huwa r-raba’ stagun tiegħi nilgħab man-Naxxar.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Fl-ewwel rawnd ma konniex qed nakkwistaw il-punti li kellna bżonn, iżda fit-tieni rawnd il-plejers barranin tejbu l-wirjiet tagħhom u dan qed jidher fir-riżultati.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward ta’ dan l-istagun hu li t-tim isalva biex jerġa’ jkun fil-Premier staġun ieħor.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Winston Muscat?

Din hija l-ewwel esperjenza tiegħi ma’ Winston Muscat … huwa kowċ ta’ esperjenza fejn iggwidana biex ksibna l-punti matul dan l-istaġun.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell żdied xi naqra għalkemm iż-żieda ta’ kwantitá fil-plejers barranin ma tirriflettiex li l-kwalitá tal-futbol tjieb ukoll.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi huma limitati ħafna għax m’ghandniex grawnd u faċilitajiet tagħna. Rigward grawnds fejn isir il-logħob kompetittiv naħseb li jridu jiżdiedu għax meta jintlagħbu iktar minn żewġ logħbiet fil-weekend fl-istess grawnd, il-ħaxix ma jibqax ta’ livell.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol? 

Li nibqa’ nilgħab u nagħti sehemi mat-tim li nkun qiegħed miegħu u ngħin lill-plejers iżgħar minni bl-esperjenza li ggwadanjajt matul il-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Għandhom jaħdmu u jibqgħu jistinkaw anke meta l-affarijiet jibdew ġejjin kontrik, u jekk ikollhom opportunitá li jmorru jilgħabu barra min xtutna jeħduha. Il-karriera tal-futbol tirrikjedi ħafna sagrifiċċji u hi xi ħaġa sabiħa li tgħid jien wasalt fejn wasalt bis-saħħa u l-kapaċitá tiegħi speċjalment jekk tkun tahdem ukoll, għalhekk importanti li ssib bilanċ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport