Dott. Lydia Abela, mart il-Prim Ministru Malti, ukoll tkellmet dwar din il-pjaga soċjali fejn għarfet kemm huwa sabiħ li flimkien nindirizzaw il-problema tal-vjolenza domestika. Hija qalet li bħalissa hemm nisa mbeżża’ u ma jafux x’temperament ġej bih ir-raġel mix-xogħol, jew persuni fuq ix-xwiek għall-episodju li jmiss ta’ vjolenza domestika u ħafna aktar vittmi f’sitwazzjonijet hekk.
“Tgħidha kerha, aħseb u ara tgħixha,” stqarret Abela. Hija qalet li trid tkun missjoni tagħna lkoll li nindirizzaw din l-isfida u għalkemm sar ħafna xogħol u hemm ħafna servizzi, għad fadal ħafna xi jsir fosthom li nippromwovu ħidma preventiva u li jkun hemm edukazzjoni fir-rigward.
Abela spjegat kif, “il-vjolenza domestika hija ferita fonda ħafna u mhix il-problema tal-individwu jew ta’ grupp, imma tas-soċjetà kollha. L-isfida ta’ kuljum hija għas-soċjetà kollha kemm hi u fil-verità, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika hija favur l-ugwaljanza fil-pajjiż”.
Hija temmen li bħala poplu rridu nrawwmu attitudni tajba, jonqsu l-preġudizzji, ikun hemm valuri, imħabba, rispett, kollaborazzjoni u l-għaqda fil-familja. “Dik hija l-kultura ta’ Malta. Malta ta’ maturità fejn naħsbu f’xulxin għal xulxin,” temmet Lydia Abela.
Aqra iktar: