Monday, April 15, 2024

Wara 50 sena, mijiet ta’ familji se jiġu rikonoxxuti bħala s-sidien ta’ darhom

Tas-Salvatur fir-Rabat, l-ewwel żona li se sservi ta’ proġett pilota

Aqra wkoll

Serħan il-moħħ għal mijiet ta’ familji f’Malta u f’Għawdex li se jingħataw l-opportunità li jirregolarizzaw it-titolu tal-art fejn hi mibnija darhom wara madwar 50 sena u jiġu rikonoxxuti bħala sidien ta’ darhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda din l-iskema mill-Awtorità tal-Artijiet, flimkien mal-Kap Eżekuttiv Robert Vella, fiż-żona Tas-Salvatur, ir-Rabat. Din intgħażlet bħala l-ewwel żona li ser isservi ta’ proġett pilota qabel ma titkompla fuq żoni oħrajn bħal Tal-Landrijiet, il-Baħrija u Ħad-Dingli fost l-oħrajn.

Il-Ministru Silvio Schembri saħaq li dan il-gvern qed jindirizza l-problemi tal-passat. Qal li din l-iskema se tindirizza lil dawk ir-residenzi ordinarji li huma mibnija fuq artijiet tal-gvern mogħtija b’ċens temporanju u li l-iskop ta’ dak iċ-ċens kien agrikolu, kif ukoll dawk ir-residenzi ordinarji li huma mibnija fuq artijiet tal-gvern mogħtija bi qbiela, jew aħjar, kera agrikola.

Fakkar li fil-passat, madwar 50 sena ilu, kienet tingħata art bi qbiela lill-bdiewa u dak iż-żmien kienu jibnu r-residenza tagħhom mal-istess għelieqi li kienu jaħdmu. Fl-2006, 15-il sena ilu, ħafna minn dawn iż-żoni tant kemm kibru, li ġew klassifikati bħala ‘insedjament rurali’ fil-pjanijiet lokali tal-Awtorità tal-Artijiet. Dan flimkien mal-permessi tal-ippjanar li ġabu sitwazzjoni li ma tistax tibqa’ tiġi injorata. Qal li dan wassal biex għandna sitwazzjoni li dawn ir-residenti qed jgħixu f’residenza li għandha permess tal-ippjanar iżda fil-limbu għax m’għandhomx titolu korrett tal-art u għalhekk dan l-ass tagħhom huwa bla valur.

Qal li maż-żmien sar aktar evidenti li l-uniku mod kif tiġi evitata l-possibbiltà li mijiet ta’ familji jitilfu darhom huwa li titnieda skema maħsuba biex tirregolarizza dawn il-proprjetajiet permezz tal-għoti ta’ titoli validi skont kif tippermetti l-liġi.

Iċċara li din l-iskema mhix ħa tirregolarizza xi binjiet bla permess f’żoni ODZ jew tagħti lok biex jinħarġu xi permessi ġodda. Din l-iskema m’għandha xejn x’taqsam ma’ permessi. Anzi, biex tkun tista’ tikkwalifika għal din l-iskema, il-binja trid tkun koperta b’permess mill-Awtorità tal-Ippjanar u trid tkun ir-residenza tal-applikant.

Il-ministru ħabbar li minn issa ’l quddiem għal dawk mibnija fuq proprjetà tal-gvern mogħtija b’ċens agrikolu, qed tiġi offruta s-soluzzjoni ta’ konverżjoni għal ċens residenzjali. Fl-istess ħin, għal dawk li jiġu rikonoxxuti bħala ċ-ċenswalisti b’din l-iskema, iċ-ċens temporanju jinbidel f’ċens perpetwu bir-rati ta’ ċens kif ippubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern. F’każ li jingħata ċens perpetwu, dan irid jinfeda sa mhux aktar tard minn ħmistax-il sena mid-data tal-kuntratt, sabiex fl-aħħar ikun inkiseb titolu liberu u frank.

Bil-għan li l-pubbliku jingħata l-inċentiv li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu, il-penali ser ikunu raġonevoli. L-għan huwa wieħed, dak li jiġi offrut ftehim ġust iżda affordabbli, għal dawn il-familji.

Il-Ministru Schembri kkonkluda li, “Dan huwa investiment fl-istorja tal-ħajja ta’ dawn in-nies. Nies li jafu li fil-wirt tagħhom kienu ser iħallu lil uliedhom post li ma jiswa xejn għaliex għandu titolu difettuż u dan wara li stinkaw kemm felħu biex xtrawh u bnewh. Din hija l-ekonomija ta’ ġid għal kulħadd”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella spjega kif ser taħdem l-iskema u ta rendikont tal-proċess u ta’ min jista’ jkun eliġibbli għal din l-iskema. L-iskema ser tkun miftuħa għal dawk li jistgħu jagħtu prova li huma residenti f’dik il-binja u li għandhom permess mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ekonomija

Sport