Nhar it-Tlieta se jitressaq l-Abbozz tar-Riforma tal-Appelli biex imbagħad jgħaddi bħala liġi mill-Parlament 

Il-Prim Ministru Robert Abela jagħti garanziji importanti fuq diversi temi għall-ġid tan-nies

Aqra wkoll

F’intervista mal-Kap tal-Aħbarijiet mal-PBS, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li nhar it-Tlieta li ġej, fil-Kabinett se jiġi preżentat l-Abbozz ta’ liġi tar-riforma tal-appelli. Dan biex imbagħad dan l-Abbozz jitressaq fit-tieni qari tal-Parlament biex il-Gvern jgħaddi riforma importanti favur sistema aktar ġusta. Prinċipju ewlieni ta’ din ir-riforma se tkun li x-xogħlijiet ta’ żvilupp ma jibdewx sakemm jinqata’ appell fi żmien ta’ kontestazzjoni definit. Il-Mexxej Laburista rrimarka għal konsultazzjoni ulterjuri li kien hemm matul dan is-sajf fuq din ir-riforma u l-Oppożizzjoni lanqas biss ipparteċipat.

Dwat temi oħra, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Gvern Laburista se jibqa’ jagħti garanzija ta’ stabbiltà u jibqa’ jsostni s-sussidji fuq l-enerġija u l-prezzijiet tal-fjuwil. Mistoqsi għandux jingħata sussidju lil kulħadd, Dr Abela qal li l-mument li nibdew niddistingwu, eżempju ngħidu li ma nissussidjawx l-industrija, il-prezz għoli tal-enerġija eventwalment se jintefa’ fuq in-nies, jonqos il-konsum lokali, jonqos id-dħul tal-Gvern u nidħlu f’riċessjoni. Qal li bil-kontra, il-Gvern għandu politika progressiva li tkompli ssaħħaħ il-konsum lokali u l-kunfidenza ekonomika kif sostniet l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu DBRS, li tat l-aqwa rating tagħha għall-ekonomija Maltija. 

Il-Mexxej Laburista Robert Abela nnota kif f’kalkolu konservattiv, familja medja qed tiffranka f’petrol u dawl, mal-elfejn ewro. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana se jerġa’ jippreżenta Budget responsabbli li se jkun b’saħħtu fis-soċjal, f’investiment fis-saħħa u anki l-investiment kapitali se jibqa’ b’saħħtu. Qal li fil-Budget li ġej se nsostnu t-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema fosthom il-ħaddiema ġenituri. Fuq medda ta’ kwart ta’ seklu, familja se tiffranka mal-kwart ta’ miljun ewro fi tnaqqis tat-taxxa. Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq qagħda fiskali b’saħħitha li għandu l-pajjiż, u li jagħtih iċ-ċans li jimmanuvra u jissussidja. Irrimarka li l-piż tad-dejn ta’ pajjiżna huwa fost l-eħfef fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, u eħfef sew minn meta kien fi żmien li l-Partit Nazzjonalista kien fdat bit-tmexxija tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ż-żgħażagħ qed ifasslu l-futur tagħhom quddiem l-opportunitajiet li qed jinħolqu f’pajjiżna fosthom fis-settur tal-avjazzjoni, il-marittimu, l-intelliġenza artifiċjali. Dr Abela qal li Malta għandha l-aqwa rata ta’ gradwati li qed isibu impjiegi u karrieri ta’ kwalità. Irrimarka li ż-żgħażagħ qed jiġu mgħejjuna fis-settur tal-proprjetà, anki jekk hemm sfidi reali. Qal li r-rata ta’ sidien ta’ darhom f’pajjiżna huwa ferm b’saħħtu u r-rata hija ta’ 85%. Dr Abela qal li l-Gvern wessa’ d-definizzjoni tal-first-time buyer fejn issa qed igawdu aktar nies. Dan apparti t-twessigħ ta’ skemi bħall-equity sharing.

Mistoqsi dwar is-suġġett tas-saħħa mentali, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li dan huwa suġġett li fil-fatt irridu nħarsu lil hinn mill-partiġjaniżmu. Qal li rridu nitkellmu u nqajmu l-għarfien. Irrimarka għall-festival ‘Nitkellem’ li Dr Lydia Abela ġabret in-nies flimkien biex inkomplu negħlbu l-istigma fuq dan is-suġġett fejn tħabbar li se jingħataw sa sentejn krediti ta’ bolla għal min jirċievi l-kura għas-saħħa mentali. Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka l-investiment għaċ-Ċentru tal-Psikjatrija fl-isptar Mater Dei. Qal li dan l-investiment ta’ 135 sodda għal kura akuta tas-saħħa mentali, huwa investiment importanti li wkoll se jiġġieled l-istigma, għaliex se jsir fl-isptar ċentrali ta’ Mater Dei. Dr Abela qal li filwaqt li għaddej dan l-investiment, xorta qed jibqa’ jsir investiment fl-isptar Monte Karmeli.

Dwar is-Summit tal-MED9, il-Prim Ministru rrimarka wkoll għall-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ tinċentiva u mhux b’miżuri titfa’ aktar piżijiet. Hawn semma l-ETS, li filwaqt li hemm l-għan ambjentali, il-piż tad-dekarbonizzazzjoni ma għandux jintefa’ fuq in-nies. Dr Abela għamel referenza wkoll għas-settur turistiku u kif pajjiżna jrid dejjem jagħfas fuq il-kwalità b’miżuri li anki ddaħħlu fis-settur tal-ospitalità. Innota kif is-Summit tal-WTTC ħalla ħafna pożittiv fosthom impenn ta’ investiment ta’ żewġ biljun dollaru mill-investituri li ġew f’pajjiżna. Qal li kull investiment li jrid jiġi jrid biss ikun ta’ ġid għall-Maltin u l-Għawdxin.

Mistoqsi mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS, Owen Galea dwar it-trasport tal-massa, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li għalhekk qed isiru l-istudji kollha meħtieġa u rridu nkunu responsabbli biex nagħmlu proġett vijabbli kif wegħdna. Dwar it-tema tal-ħlas fit-taxxa, Dr Abela qal li l-Gvern mhux qed hemm biex jagħmel witch hunts iżda l-bilanċ mingħajr ma jiġi promoss l-evazzjoni tat-taxxa. Qal li l-ottempranza mal-liġijiet trid dejjem tibqa’ flimkien mar-responsabbiltà. Il-Prim Ministru qal li fix-xhur li ġejjin se nkomplu nsaħħu d-distribuzzjoni tal-elettriku fejn se jinfetħu tliet ċentri ta’ distribuzzjoni fiż-żmien li ġej. Dan flimkien ma’ energy mix li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza fosthom minn sorsi ta’ enerġija alternattiva. Semma wkoll li matul is-sena d-dieħla jitlesta l-proġett tat-tieni interconnector.

Il-Prim Ministru Robert Abela rribatta l-idea tal-Oppożizzjoni li tittimbra lil Malta bħala stat mafjuż. Qal li pajjżna ma għandux ikollu liġijiet li jittimbrawh bħala stat mafjuż meta r-realtà mhijiex. Qal dak li trid tagħmel l-Oppożizzjoni tfixkel l-investiment. Min-naħa l-oħra, il-Gvern ried idaħħal liġijiet ta’ protezzjoni għall-ġurnalisti u jkun l-ewwel pajjiż li jdaħħal liġi ferm aktar ambizzjuża tal-Anti-Slapp, li iżda l-Oppożizzjoni ma kinitx mal-Gvern. Spjega li fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jdaħħal il-liġijiet ta’ protezzjoni għall-ġurnalisti għaliex il-Gvern mhux sodisfatt bit-traspożizzjoni tad-direttiva Ewropea biss.

Il-Prim Ministru sostna li l-manifest elettorali Int Malta jitkellem dwar titjib fil-wellbeing b’indiċi ċari u ambizzjoni li fuq medda ta’ leġiżlatura, intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji b’25%.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport