Sunday, November 24, 2024

“Nibdew naqtgħu l-frott ta’ ħidma sabiex nattiraw kumpaniji f’industriji ta’ valur għoli”– il-Ministru Silvio Schembri

Aqra wkoll

Waqt żjara fit-Turkija l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri żar kumpaniji differenti, uħud minnhom f’setturi ekonomiċi ġodda għal pajjiżna u li huma setturi li rridu naraw aktar investiment fihom f’Malta.

Waħda mill-intrapriżi li żar il-Ministru Schembri hija l-kumpanija GIMAS. Din hija kumpanija li tipproduċi turbini tar-riħ, u li s-sena li ġejja se tkun qed tespandi l-operat tagħha fl-Ewropa permezz ta’ fabbrika f’Malta. “F’Mejju li għadda ħabbarna li GIMAS se tkun qed tiftaħ fabbrika ġdida fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far. Dan se jwassal għal numru ta’ ħolqien ta’ green jobs. Impjiegi ta’ kwalità, f’setturi sostenibbli li huma l-futur għal pajjiżna,” qal il-Ministru Schembri.

Id-delegazzjoni Maltija fit-Turkija, mmexxija mill-Ministru Schembri żaret wkoll kumpanija oħra fil-qasam tal-precision engineering li tipproduċi prodotti tal-ogħla livell fejn il-ħaddiema huma kollha inġiniera b’pagi medji ta’ madwar €45,000 fis-sena.

Kumpanija oħra li saru laqgħat magħha mid-delegazzjoni Maltija tispeċjalizza fir-riċerka u l-produzzjoni ta’ molecular diagnostics għall-mard tal-kanċer.

Waqt iż-żjara fit-Turkija saru wkoll diversi laqgħat ma’ kumpaniji fil-qasam diġitali, inkluż fil-video games development.

F’kummenti dwar din iż-żjara fit-Turkija, il-Ministru Schembri qal, “Qed nattiraw lejn pajjiżna niċeċ ekonomiċi ġodda f’konformi mal-pjanijiet ta’ pajjiżna għas-snin li ġejjin fejn ser inkunu qed naraw anqas użu ta’ art, anqas volumi ta’ impjiegi, iżda li jkun ta’ kwalità aħjar u b’pagi għola.”

Id-delegazzjoni Maltija magħmula minn uffiċjali għolja mill-Malta Enterprise u l-INDIS attendiet ukoll għal serata fl-okkażjoni tas-60 sena tal-Indipendenza ta’ Malta li saret f’Istanbul.

Sport