Minn Cristian Muscat
Hemm ismijiet fil-waterpolo Ewropew li malli ssemmihom, iġibu magħhom storja ta’ suċċess u memorji li ma jintesew qatt. Niccolò Gitto hu wieħed minnhom. Eks difensur tal-Italja, rebbieħ ta’ kull ma joffri l-waterpolo kemm fuq livell ta’ klabb kif ukoll internazzjonali, illum jinsab f’fażi ġdida tal-karriera tiegħu u din il-fażi se tgħaddi wkoll minn Malta, permezz ta’ Sliema ASC u l-avventura fil-European Challenger Cup.
“Kont diġà ddeċidejt li nieqaf nilgħab,” jgħid Gitto b’onestà f’intervista li tana. “Illum il-ġurnata jien kowċ, naħdem maż-żgħażagħ ta’ Brescia u moħħi kien iffukat kompletament fuq it-triq tat-taħriġ. Imma mbagħad irċevejt telefonata mingħand id-direttur sportiv Ryan Coleiro minn Sliema ASC, u kollox reġa’ fetaħ mill-ġdid.” Telefonata li ma kinitx sempliċi stedina, iżda proposta biex inkun parti minn proġett ambizzjuż Ewropew, bi trofew prestiġjuż f’kompetizzjoni li qed tikber sena wara sena.
Dak li għamel id-deċiżjoni aktar speċjali kienet il-preżenza ta’ Aleksandar Ivović proprju mat-tim Slimiż. “Se nilgħab ma’ Ivović, u aħna nafu lil xulxin perfettament. Qattajna tmien snin flimkien ma’ Pro Recco, esperjenza li diffiċli tinsa. Meta qaluli li se nerġgħu nkunu fl-istess tim, kont verament kuntent. Nilgħab f’Malta, f’kompetizzjoni Ewropea ġdida, u flimkien ma’ plejer li naf daqshekk tajjeb hija l-kumbinazzjoni ideali.”
Gitto ma jaħbix l-entużjażmu tiegħu li se jilbes il-kuluri ta’ Sliema ASC. Għalkemm fil-passat kellu esperjenza limitata fil-kampjonat Malti, illum jara realtajiet differenti fil-waterpolo f’pajjiżna fejn semma’ sew il-progress li qed ikompli jsir. “Niftakar li darba kont ġejt Malta u kont qed nara dan il-progress għadu jibda imma llum tħoss bidla għall-aħjar.
Hemm entużjażmu kbir għall-waterpolo, hemm il-pubbliku li jsegwi sew lill-klabbs favoriti tiegħu, hemm passjoni u litteralment Malta qed tgħix il-waterpolo fil-veru sens tal-kelma.” Skontu, dan jidher mhux biss fil-livell tal-klabbs, iżda wkoll fl-iżvilupp ġenerali tal-isport fil-pajjiż.
Prova ċara ta’ dan hi l-prestazzjoni tat-tim nazzjonali Malti fl-aħħar Kampjonati Ewropej li saru f’Belgrade. “It-13-il post hu riżultat storiku. Dawn l-affarijiet ma jiġux b’kumbinazzjoni. Hemm xogħol serju, hemm viżjoni u hemm nies li qed imexxu ‘l quddiem.” Hawnhekk Gitto jisħaq fuq l-importanza tal-ħidma amministrattiva u teknika, u jsemmi b’mod speċjali lill-president tal-Aquatic Association of Malta Karl Izzo.
“Diġà kelli l-opportunità niltaqa’ miegħu meta kien kowċ tat-tim nazzjonali Malti. Karl hu persuna kbira u professjonist. Insellimlu minn hawn u nifraħlu, għax qed jagħmel xogħol kbir u issa id-dilettanti tal-waterpolo Malti qed jaraw il-frott ta’ dak ix-xogħol.”
Il-kurrikulu ta’ Niccolò Gitto hu wieħed li jitkellem waħdu. Disa’ kampjonati Taljani, tmien Coppa Italia, żewġ Champions League, Super Cups u titli oħra ma’ Pro Recco u Brescia. Fuq livell internazzjonali, rebaħ midalji fl-Olimpjadi ta’ Londra u Rio, fil-Kampjonati tad-Dinja u dawk Ewropej u fil-World League. Meta jiftakar fil-mumenti l-aktar memorabbli tal-karriera tiegħu, wieħed joħroġ b’mod ċar. “Il-finali tal-Kampjonat Dinji f’Shanghai kontra s-Serbja. Rebħa fil-ħin barrani fejn kienet partita intensiva ħafna. Kelli x-xorti li nkun parti minn dak il-mument – wieħed mill-ogħla punti tal-karriera tiegħi.”
Ir-rabta tiegħu mas-“Settebello” tibqa’ soda. “Nibqa’ nsegwi lit-tim, nibqa’ nisma’ x’qed jiġri. It-tim illum hu żagħżugħ u għadu qed jifforma l-identità tiegħu. Mhux faċli, imma hemm kwalità u potenzjal.” Dwar il-kowċ Sandro Campagna, Gitto m’għandux dubju.
“Hu kowċ kbir. Hu kien wieħed mill-kowċis tiegħi, u nista’ ngħid li hu wieħed mill-aqwa persuni li qatt ħdimt magħhom.” Fl-istess ħin, ifakkar ukoll fil-kontribut ta’ Alessandro Bovo, kowċ ieħor li kellu influwenza kbira fuq it-tkabbir tiegħu bħala plejer.
Illum, madankollu, Gitto qed iħares ‘il quddiem. “Issa qed nikkonċentra fuq Niccolò tal-lum. Naħdem ma’ Brescia, maż-żgħażagħ tat-tim, u din hi parti fundamentali mill-karriera tiegħi. Irbaħt kampjonat u Coppa Italia ma’ Brescia, u dan hu importanti ħafna għalija.”
Minkejja dan, l-esperjenza ma’ Sliema se tkun kapitlu speċjali. “Jien u Ivović nistgħu ngħinu ħafna, speċjalment f’kompetizzjoni Ewropea fejn l-esperjenza, il-mentalità u d-dixxiplina jagħmlu differenza kbira. Irridu nkunu ta’ gwida għaż-żgħażagħ, kemm fl-ilma kif ukoll barra minnu.”
Meta mistoqsi kif jara lilu nnifsu fi żmien għaxar snin, Gitto jibqa’ realistiku iżda miftuħ. “Malta kienet punt ta’ tluq għal ħafna kowċis li llum jinsabu fl-ogħla livell Ewropew. Jien miftuħ għal kollox. Malta tgħix il-waterpolo, u meta tara ambjent bħal dan, tħossok miġbud biex tagħti l-aħjar tiegħek.”
F’din l-avventura ġdida ma’ Sliema ASC, Niccolò Gitto jara wkoll opportunità personali biex jibqa’ marbut mal-logħba li tatu kollox. Esperjenza Ewropea oħra, ambjent passjonat u kuntatt dirett maż-żgħażagħ jagħmluha sfida li timmotiva u tkompli tkabbar il-vjaġġ sportiv tiegħu.
Il-messaġġ tiegħu għaż-żgħażagħ hu wieħed ċar u ġej mill-esperjenza. “Qabel kollox irid ikun hemm impenn ta’ kuljum. Trid tieħu pjaċir, għax mingħajr gost ma tasal imkien. Imma fl-istess ħin trid taffaċċja kull taħriġ u kull partita bis-serjetà u r-rispett li jixirqilhom. Jekk tagħmel dan b’mod kostanti, tista’ tasal għal tragwardi kbar.”
Kliem li bla dubju jfissur ħafna, għax ġej minn atleta li għadda minn sfidi kbar għex u li issa lest jaqsam l-għerf tiegħu ma’ ġenerazzjoni ġdida, anke hawn Malta, bil-kappa ta’ Sliema ASC.

