Monday, December 30, 2024

Noel Azzopardi ma kienx attenda għal xi appuntamenti li kellu mal-psikjatra

Tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Eric Borg fir-Rabat

Aqra wkoll

Psikjatra xehed fil-Qorti kif Noel Azzopardi, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Eric Borg, ma kienx attenda għal xi appuntamenti li kellu miegħu u għalhekk dawn kellhom jiġu posposti għas-sena ta’ wara.

Il-psikjatra Dr Joe Vella Baldacchino spjega lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kif il-kuntatt ma’ Azzopardi beda f’Ottubru tal-2016 u l-aħħar darba li kellmu kien fl-2019. Huwa kien jara lill-imputat fiċ-ċentru tal-kura tas-saħħa mentali fil-Furjana.

Ix-xhud ikkonferma li f’dan il-perjodu kien hemm xi appuntamenti li l-imputat ma attendiex għalihom u qal ukoll li kien tah xi mediċini kontra l-ischizophrenia u sabiex jikkalma minħabba problemi ta’ rabja.

Dr Baldacchino kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Noel Azzopardi. Dan tal-aħħar qed iwieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Borg, liema delitt seħħ fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Fl-istess seduta, charge nurse mit-Taqsima Forensi tal-Isptar Monte Carmeli ppreżenta xi files psikjatriċi tal-imputat.

Intant, xehed ukoll is-Supretendent Keith Arnaud stazzjonat l-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji u l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Huwa qal li fl-1 ta’ Jannar kien infurmat li kienet għadha kemm seħħet sparatura fir-Rabat u li kien hemm persuna li nqatel.

Qal li l-qtil seħħ fi Triq il-Fidloqqom u mar minnufih fuq il-post għall-ħabta tat-3.30 p.m. fejn innota li kien hemm katavru mal-art u mgħotti b’liżar. Qal li l-katavru deher l kien milqut b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar – waħda f’dahru u l-oħra f’ġenbu fuq in-naħa tal-lemin.

Mal-ħin il-katavru rriżulta li kien ta’ Eric Borg li kien joqgħod ftit metri bogħod fejn instab maqtul. Irriżulta li kien hemm żewġ xhieda barranin li kienu raw u semgħu l-inċident iseħħ ftit tal-ħin qabel.

L-investigaturi kellmu lil dawn il-persuni u tawhom indikazzjoni tal-ħin, tal-vettura li kienet waqfet fuq il-post u anke tal-persuna li kien spara mill-viċin fuq il-vittma. Huma ddeskrivewh lill-aggressur bħala persuna li għandha madwar 40 sena, mibrum u xahru qasira jew fartas. Aktar tard, il-Pulizija kkonfermaw li l-isparatura seħħet għall-ħabta tat-3.20 p.m.

Is-Supretendent Arnaud qal li mal-ħin waslu xi familjari tal-vittma u t-tfajla tiegħu fuq il-post. Meta tkellmu mal-Pulizija, dawn qalulhom li ma kellhomx inkwiet ma’ ħadd però rrimarkaw li kien hemm ċertu Noel Azzopardi li jew kien iffissa fuqhom u ma jafux għalfejn, u anke kien hemm aktar minn inċident wieħed fejn segwihom jew rass magħhom bil-vettura.

Qal li l-Pulizija kienet indentifika lil Azzopardi li rriżulta li kien joqgħod ukoll ir-Rabat. Sakemm kienu qed jippreparaw biex jarrestawh, ġew infurmati li Noel kien mar l-Għassa tar-Rabat flimkien ma’ missieru u qarib ieħor.

Is-Supretendent Arnaud qal li fl-għassa, Noel stqarr li kien hu li spara lil Eric. Huwa mar l-Għassa għall-ħabta tal-5.30 p.m. u l-Pulizija kkuntattjaw xi familjari tal-imputat biex jippreparawlu xi ħwejjeġ oħra minħabba li deher evidenti li l-ħwejjeġ li kien liebes setgħu kienu dawk li allegatament twettaq id-delitt binhom.

Is-Supretendent Arnaud qal ukoll li kienu eskortaw lil Noel fir-residenza tiegħu fejn hemm kompliet it-tfittxija biex jiġu elevati l-armi li seta’ kellu. Fil-fatt, fir-residenza nstabu snieter tal-karċċa reġistrati f’ismu.

Ix-xhud qal ukoll li “Kont infurmat li wieħed mis-snieter kien qiegħed moħbi wara grandfather clock fis-salott tar-residenza. Il-vettura tiegħu kienet fil-garaxx u ġiet ittowjata għal aktar investigazzjonijiet.” B’kollox ġew elevati sitt snieter tal-imputat u tlieta oħra li kienu ta’ missieru.

Fis-seduta xehed ukoll is-Supretendent Robert Vella li ppreżenta kwerela li kienet saret mill-imputat li allega li kien qed jiġi kontinwament segwit mimn xi vetturi. Ippreżenta wkolll email mibgħuta minn Dr Alex Miruzzi fejn kien qed jiġi allegat l l-imputat kien qed ikollu diżgwid ma’ xi persuni fil-limiti tal-Buskett fejn kellu l-għalqa tiegħu.

Wara li semgħet ix-xhieda, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qalet li hemm biżżejjed provi ‘prima-face’ sabiex l-imputat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Il-każ se jkompli jinstema’ fis-6 ta’ Marzu li ġej.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonnet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Godwin Scerri. 
L-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi qed jidhru għall-imputat.

Ekonomija

Sport