Wednesday, July 24, 2024

Oppożizzjoni populista li tibqa’ topponi standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jinnota b’dispjaċir l-attitudni populista u kontradittorja li qed taddotta l-Oppożizzjoni fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Jean Paul Sofia.

Filwaqt li sa ftit ġimgħat ilu l-Opożizzjoni riedet timponi li l-implimentazzjoni ssir f’sitt xhur, illum rikbet il-karru ta’ dawk li qed jopponu l-bidla għal standards ogħla u qed tisħaq li kollox għandu jsir b’mod gradwali fit-tul. Filwaqt li l-Gvern qiegħed jimpenja ruħu li jġib lura dak li ma sarx f’50 sena f’dan is-settur, kif anke tisħaq l-Inkjesta Jean Paul Sofia, l-Oppożizzjoni tibqa’ sinonima li tinħeba wara l-konsultazzjoni imma ma tasal biex twettaq qatt.

Il-Gvern ifakkar li immedjatament wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela ħatar sotto-kumitat tal-Kabinett biex mhux biss iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet, iżda wkoll jiddjaloga mal-istakeholders prinċipali, fejn saħansitra sa din il-ġimgħa stess saru aktar laqgħat ta’ diskussjoni.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni diġà daħħal fis-seħħ permezz ta’ emendi fil-liġi sussidjarja obbligi rigward l-obbligu ta’ assigurazzjoni li tkopri t-terzi anke fuq siti standalone, kif ukoll lill-ħaddiema li jaħdmu fuq siti ta’ kostruzzjoni. Barra minn hekk skatta l-proċess għall-inizjattiva ta’ servizz ġdid ta’ assistenza ta’ Avukati u Periti mingħajr ħlas li se jagħti vuċi aktar b’saħħitha liċ-ċittadini impattati mill-kostruzzjoni.

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni filwaqt li dejjem kienet miftuħa għall-konsultazzjoni, qiegħda tagħmel dawn l-introduzzjonijiet biex pajjiżna jkollu qafas modernizzat li verament jnissel fiduċja fis-settur tal-kostruzzjoni. L-Awtorità diġà bdiet ukoll proċess ta’ streamlining inkluż bl-introduzzjoni ta’ ‘Certificate of Insurance’, li jipprovdi sommarju konċiż tad-dokumentazzjoni volumuża li tkopri l-polza tal-assigurazzjoni, kif ukoll għaddejja ħidma fuq sistema tal-informatika ġdida biex tiffaċilita u tissimplifika l-proċess.

Filwaqt li l-Condition report ta’ kull proprjetà affettwata minn żvilupp kien dejjem obbligatorju, kien hemm diversi istanzi fejn wara li l-Awtorità tkun ħarġet clearance kien ikun hemm talba minn terz li ġie affettwat min żvilupp biex isirlu Condition Report jew inkella jinforma lill-Awtorità li qatt ma rċieva kopja ta’ dan ir-rapport. Bil-formola introdotta ġew integrati żewġt dikjarazzjonijiet f’waħda u għaldaqstant tnaqqset il-burokrazija u mhux żdiedet kif qed jallega l-kelliem tal-Oppożizzjoni. Din id-dikjarazzjoni ilha li daħlet fis-seħħ minn Jannar.

L-Oppożizzjoni jidher li għal darb’oħra hija distakkata minn nies, hekk kif qed topponi l-bidla għal standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni biex kull ċittadin Malti u Għawdxi jkollu serħan il-moħħ ġewwa daru. Tassew Oppożizzjoni populista li dwar l-implimentazzjoni ma ssibhiex fuq in-naħa tal-bidla.

Ekonomija

Sport