Monday, May 13, 2024

Spazju mitluq jinbidel fi spazju miftuħ mill-isbaħ

Investiment ta’ madwar miljun ewro fi Ġnien l-Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ għat-tgawdija tal-familji

Aqra wkoll

Post li bħalissa jinsab mitluq f’Ħaż-Żebbuġ se jinbidel fi ġnien u spazju miftuħ mill-isbaħ għall-familji. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, waqt żjara li għamel f’dan il-proġett li ra l-bidu tiegħu ftit tal-jiem ilu.

“Dan huwa proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti li qegħdin inwettqu bħala Gvern biex postijiet li bħalissa jinsabu mingħajr użu jinbidlu fi spazji ħodor u miftuħa għall-komunitajiet. Permezz ta’ dan il-proġett f’Ħaż-Żebbuġ, il-familji se jkollhom post mill-isbaħ ta’ rikreazzjoni fil-kampanja u fejn it-tfal jistgħu jilagħbu f’ambjent sigur. Barra minnhekk, dan il-proġett se jinkludi wkoll spazji għal attivitajiet komunitarji biex verament inkomplu nagħmlu differenza pożittiva fil-lokalitajiet tagħna,” spjega s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.

Spazju sigur u attraenti għal rilassament

Barra l-ispazji ħodor, dan il-ġnien se jinkludi wkoll basketball court u picnic areas. L-ilma tax-xita se jinġabar f’ġiebja kbira li se titħaffer taħt l-art biex tissupplixxi l-ilma għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti tal-ġnien kollu. Se tinħadem funtana ġdida tal-ilma fin-nofs u sistema ta’ dawl moderna biex ittejjeb il-viżibilità fil-ħinijiet ta’ filgħaxija. Se tiġi installata sistema ta’ CCTV cameras biex tiżdied is-sigurtà tal-post kif ukoll sistema ġdida ta’ pannelli fotovoltajiċi li jiġġeneraw l-enerġija. Jikkumplimenta dan ix-xogħol se jsir restawr estensiv tal-ħitan eżistenti filwaqt li se titpoġġa għamara ġdida madwar il-post kollu.

Se jsir titjib ukoll tal-aċċessibbiltà għas-sit b’aċċess iktar sigur, fejn se tiġi installata pelican crossing fit-triq prinċipali li tagħti għal dan il-ġnien.

Is-Sindku tal-lokal Mark Camilleri rringrazzja lid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi fejn aċċenna għall-fatt li dan il-ġnien ilu mitluq għal għexieren ta’ snin u huwa grazzi għall-intervent tal-Gvern issa ż-Żebbuġin se jkollhom post ieħor qalb in-natura fejn iqattgħu ħin mal-familja.

Sport