Sunday, May 11, 2025

PAPA ĠDID JIFFAĊĊJA DINJA MWIEGĦRA

Aqra wkoll

Il-ħatra ta’ Robert Francis Prevost bħala Papa, kif mistenni qajmet għadd ta’ mistoqsijiet. Primarjament il-mistoqsijiet iduru mal-fatt jekk dan il-Papa hux se jkun qiegħed ikompli jimxi fuq il-passi ta’ Papa Franġisku. Prattikament il-mistoqsijiet huma dwar jekk dawk l-aktar vulnerabbli, jiġifieri l-foqra, ir-refuġjati, l-immigranti u dawk li qegħdin ibatu fil-gwerer, humiex se jibqgħu fiċ-ċentru tal-messaġġi tal-Papa.  

Ma kienux ftit dawk li fittxew x’kien qiegħed jgħid u jlissen fl-aħħar xhur Robert Francis Prevost li ħa l-isem ta’ Ljun XIV. Il-fatt li fid-diskors tiegħu Papa Ljun XIV semma’ l-kelma paċi għaxar darbiet ħafna interpretawha li għandna Papa li se jimxi fuq il-passi ta’ dawk ta’ qablu.  Hi x-xewqa ta’ ħafna li dan il-Papa jkompli miexi fuq il-passi ta’ qablu, allavolja dak li kien jgħid Franġisku għal ħafna mexxejja dinjin minn waħda kien jidħol u mill-oħra joħroġ.

Imma dan il-Papa ġdid jista’ jimxi fuq l-istess passi ta’ Papa Franġisku meta d-dinja fi żmien qasir inbidlet tant?  Illum għandna dinja mifnija bi gwerer. Wieħed jista’ jazzarda jgħid li llum tant hawn kunflitt li d-dinja lanqas tiflaħ aktar kunflitti u tensjonijiet. Għandna dinja mifnija minn diżordnijiet u nuqqas ta’ mexxejja ta’ stoffa.  M’hemm ebda dubju li d-dinja llum hi totalment differenti minn dik tas-sena 2013 meta laħaq Papa Franġisku. M’hemm ebda dubju ukoll li l-isfond soċjali li huma ġejjin minnu iż-żewġ papiet hu għal kollox differenti. Il-ħajja ta’ Papa Franġisku, b’familja li kellha taħrab minn pajjiżha u tmur lejn post imbiegħed, hi għal kollox  differenti minn dik li kiber fiha Papa Ljun XIV.

Anki jekk nieħdu l-kelma ‘paċi’ li hu semma’ fid-diskors tiegħu u li rrepetiha għal diversi drabi llum għandha tifsira ferm u ferm differenti mill-kelma paċi li kien jitkellem fuqha Papa Franġisku, li fis-sena 2013 u fis-snin ta’ wara la kien hemm il-gwerra fl-Ukrajna u lanqas il-gwerra f’Gaża. 

Ovvjament mill-Papa l-ġdid irridu naraw kif se jitkellem fuq il-kunflitt fl-Ukrajna. Se jibqa’ jitkellem fuq l-istess linja ta’ Papa Franġisku li kien indika b’mod ċar li n-NATO setgħet inċitat lil Vladimir Putin biex jibda l-azzjoni militari kontra l-Ukrajna? 

U jekk dwar il-gwerer qegħdin nistennew il-pożizzoni ta’ Papa Ljun XIV, daqstant ieħor hemm stennija għal pożizzjoni dwar l-immigranti u r-refuġjati.

Proprju ftit ġimgħat ilu, il-Kardinal Robert Prevost, kien qasam artiklu miktub mill-Ġiżwita Sam Sawyer, liema artiklu kien ċaħad ir-retorika ta’ JD Vance u Trump dwar l-immigranti bbażata fuq l-ittra tal-Papa Franġisku lill-isqfijiet tal-Istati Uniti. Kien intqal li “għandu jkun ċar li l-Kattoliċi ma jistgħux jappoġġjaw retorika li tiddemonizza l-immigranti bħala kriminali perikolużi sempliċement għax qasmu l-fruntiera fit-tfittxija ta’ ħajja aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Għandu jkun ċar li l-Kattoliċi ma jistgħux jiċċelebraw l-infurzar aggressiv tad-deportazzjoni bħala spettaklu. Għandu jkun ċar li l-Kattoliċi ma jistgħux jaċċettaw teorija tal-imħabba li tfaħħar lilha nnifisha talli tpoġġi lil xi wħud mill-ifqar fostna l-aktar ‘il bogħod mit-tħassib u l-karità tagħna.”

Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Unjoni Ewropea qed tadotta leġiżlazzjoni dejjem aktar restrittiva u qed tiffinanzja pajjiżi Mediterranji biex jirritornaw il-migranti anke qabel ma jaslu fil-kontinent. 

L-ewwel indikazzjoni huma li Papa Ljun XIV, se jtenni l-valuri tal-Knisja Kattolika dwar l-immigrazzjoni u għalhekk jidher li mhux se jinbidel  fuq dan il-punt. Il-mistoqsija li qiegħda ssir imma se jkun voċiferu daqs Papa Franġisku fuq l-immigranti u l-bżonn li dawn nilqgħuhom. Nistennew u naraw.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport