Fid-dawl ta’ attakki f’żoni differenti tat-territorju ta’ Iżrael min-naħa tal-Hamas, il-parir tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ huwa dak li ħadd ma għandu jivvjaġġa lejn l-Iżrael u t-territorji Palestinjani.
L-Ambaxxata ta’ Malta f’Iżrael u l-Uffiċċju Rappreżentattiv għall-Palestina qed isegwu s-sitwazzjoni f’koordinament mal-Ministeru sabiex jassistu fl-evakwazzjoni ta’ dawk il-Maltin li bħalissa jinsabu f’dawn it-territorji. Kienu seba’ l-Maltin li għamlu kuntatt mal-Ambaxxata ta’ Malta f’Iżrael u talbu tali assistenza. L-ebda talba simili ma waslet min-naħa tat-Territorji tal-Palestina.
Il-Ministeru qiegħed jikkordina biex fil-qagħda preżenti jsib metodi li bihom jista’ jkun ta’ għajnuna liċ-ċittadini Maltin maqbuda fit-territorju. Il-Ministeru javża wkoll li dawk li jeħtieġu assistenza mill-Ambaxxata ta’ Malta f’Iżrael għandhom jagħmlu kuntatt fuq 00972522575708; filwaqt li dawk li jkunu jeħtieġu assistenza mir-Rappreżentanza ta’ Malta fil-Palestina għandhom jagħmlu kuntatt fuq 00972548992228. Dawk li jkunu jixtiequ jagħmlu kuntatt mal-Ministeru b’mod dirett għandhom jagħmlu dan fuq in-numru 0035622040000.