Wednesday, April 24, 2024

Pariri mit-Tabib

Aqra wkoll

Minn Dr MALCOLM PAUL GALEA

Għadda kważi xahar minn meta l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-ewwel sett ta’ rilaxx ta’ miżuri li kienu fis-seħħ matul l-ewwel mumenti tal-pandemija tal-Covid-19. Minkejja l-ħafna biża’ li kien hawn min prova jwassal lil poplu, ma rajna ebda żieda sostanzjali fin-numru ta’ każijiet pożittivi bil-Covid-19. Nferfru rixna? Żgur li le! Nemmnu fil-gvern u fl-awtoritajiet tas-saħħa pubbliċi li jafu kif qed jiggwidawna? Definittivament! 

Jekk xejn, in-numri sbieħ li qed naraw bħalissa, ma jridux inessuna dak li għaddejna minnu. Ma jridux inessuna li kien hemm min tilef min hu għażiż għalih. Ma jridux inessuna li r-riżultat li kisbet Malta nkiseb permezz tas-sagrificcju ta’ kull wieħed u waħda minna tul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur. 

Jekk xejn, dawn ir-riżultati jridu jservu bħala nkoraggiment biex nibqgħu nkunu responsabbli għal kull Malti, Għawdxi u residenti f’pajjiżna. Irridu nkomplu nimxu fuq l-linji gwida li qed ningħataw, fl-istess waqt li nerġgħu nibdew nersqu lejn in-normalità li nistgħu niksbu sa issa. 

Filwaqt li nkomplu nkunu viġilanti fejn tidħol saħħa, ma nistgħux ninjoraw l-effetti sekondarji tal-pandemija tal-Covid-19, effetti li jien stess tkellimt dwarhom diversi drabi tul din l-imxija. Dawn l-effetti issa qed joħorġu iktar fid-deher, bħal rapporti li kellna dwar is-saħħa mentali. 

Il-Gvern Malti kellu tifħir minn diversi għaqdiet fuq kif mexxa lil pajjiżna tul dawn ix-xhur. Għandna biex nkunu kburin.  Ejja nkomplu nkunu responsabbli fejn tidħol is-saħħa u fl-istess waqt inkunu aħna stess li ngħinu l-ekonomija tal-pajjiż terġa tqum fuq saqajha. Tlaqna minn punt tajjeb, b’ ekonomija soda. Kien fattur essenzjali biex kellna r-riżorsi biex niggieldu sew din l-pandemija. Saħħitna u l-ekonomija jimxu id f’id. Pajjiżna għandu l-potenzjal li jkompli miexi f’din it-triq t-tajba li mexjin fiha. Kuraġġ!

Sport