Saturday, May 4, 2024

Persuni transġeneri jistgħu jitgħammdu u jkunu parrini 

Aqra wkoll

Il-Vatikan aġġorna d-duttrina tiegħu u issa se jippermetti persuni transgender  jitgħammdu fil-Knisja Kattolika. Dan sakemm ma jikkawżax skandlu jew konfużjoni, ħabbar il-Vatikan. L-uffiċċju duttrinali tal-Knisja ħabbar ukoll li persuni trans jistgħu jkunu parrini waqt magħmudija u xhieda fi tieġ.

Din il-mossa ssegwi tentattivi tal-Papa Franġisku biex il-Knisja ssir aktar viċin tan-nies LGBT. Papa Franġisku kien qal lil persuna trans f’Lulju li għadda li “anke jekk aħna midinbin, Alla jersaq qrib biex jgħinna”.

Il-pożizzjoni aġġornata tal-Vatikan ġiet wara li l-Isqof Brażiljan José Negri kiteb lid-Dikasteru tad-Duttrina tal-Fidi tal-Knisja b’sitt mistoqsijiet dwar persuni LGBT u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-magħmudija u ż-żwieġ.

Nhar l-Erbgħa d-dipartiment poġġa fuq il-websajt tiegħu bl-approvazzjoni tal-Papa Franġisku tliet paġni bi tweġiba, li ġew iffirmati mill-kap tad-dikasteru Kardinal Arġentin Víctor Manuel Fernández.

 Fit-tweġiba jingħad li persuna transġeneru – inklużi dawk li jkunu għaddew minn trattament ormonali u kirurġija ta’ tibdil tal-ġeneru – tista’ tirċievi l-magħmudija taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jemmnu oħrajn “jekk ma jkunx hemm sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm riskju li jiġġenera skandlu pubbliku jew diżorjentazzjoni fost il-fidili. “.

Id-dokument jesplora wkoll il-mistoqsijiet l-oħra tal-Isqof Negri, fosthom jekk in-nies trans jistgħux ikunu parrini. Jgħid li fejn adult ikun għadda minn trattament bl-ormoni u kirurġija ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru jista’ jkun parrinu jew parrina.

Iżda tkompli tgħid li s-saċerdoti għandhom id-diskrezzjoni li jirrifjutaw talba bħal din jekk ikun hemm periklu ta’ skandlu, leġittimizzazzjoni bla bżonn jew diżorjentazzjoni fl-isfera edukattiva tal-komunità tal-knisja.

Il-qassis Ġżwita Amerikan Dun James Martin, li huwa sostenitur tad-drittijiet LGBT, qal fuq X (li qabel kien Twitter) li dan huwa pass importanti ‘l quddiem fil-Knisja li tara nies transgender mhux biss bħala nies iżda bħala Kattoliċi.

Filwaqt li d-dokument jidher li jistabbilixxi b’mod ċar x’taħseb il-Knisja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ persuni trans li jitgħammdu jew jaġixxu ta’ parrini, huwa aktar sfumat fuq il-kwistjonijiet l-oħra li tqajmu mill-Isqof Negri.

Dwar il-kwistjoni jekk ġenituri tal-istess sess li jadottaw jew jużaw omm surrogata jistgħux ikollhom tarbija mgħammda fil-Knisja, il-Vatikan qal li d-deċiżjoni ta’ qassis ikollha tkun ibbażata fuq “tama fondata li hu jew hi tkun edukata fir-reliġjon Kattolika”.

Il-gwida aġġornata lill-kleru Kattoliku ssegwi suġġeriment mill-Papa x-xahar li għadda li koppji tal-istess sess jistgħu jirċievu barka mingħand qassis u li tali talba għandha tiġi ttrattata b’karità pastorali.

Papa Franġisku żied, iżda, li l-Knisja għadha tqis ir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess “oġġettivament midinbin” u ma kinitx se tirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

Sport