Wednesday, April 16, 2025

PN LI JEĦTIEĠ JIRRANĠA SURTU

Aqra wkoll

Bħal donnu drajnieha li f’pajjiżna kull ftit xhur isir stħarriġ biex naraw il-qagħda tal-partiti politiċi fejn tkun dakinhar. Filwaqt li kull stħarriġ jirrikjedi ammont ta’ riċerka, b’danakollu dawn juru biss is-sitwazzjoni tal-mument. Għalkemm jagħtu indikazzjoni tax-xejriet kif ikunu għaddejjin. B’danakollu kif jingħad spiss l-aqwa u l-iktar stħarriġ reali hija l-elezzjoni ġenerali meta l-poplu jmur jixħet il-vot tiegħu u jagħżel lil min irid fit-tmexxija tal-pajjiż. 

Kif spjegajna lbieraħ minn dawn il-kolonni, dawn is-surveys huma ta’ nkwiet kbir għall-Partit Nazzjonalista li mhux biss mhuwiex qed jirnexxilu jiġbed lura partitarji li telquh imma qiegħed ukoll jitlef minn dak li għandu. Dawn il-fatti kollha juru li sfortunatament għad-demokrazija f’pajjiżna, il-PN sejjer lura bħall-granċ. Riflessjoni ta’ dan hija wkoll il-prestazzjoni tal-Kap tal-PN Bernard Grech li fl-istħarriġ tal-Ħadd li għadda kiseb l-agħar appoġġ minn kemm ilu li sar mexxej, tant li d-distakk bejnu u bejn il-Prim Ministru Robert Abela huwa ta’ 26.5%. 

F’din is-sitwazzjoni, il-PN jeħtieġ li jidħol sew fih innifsu u b’idu fuq il-kuxjenza jara x’hemm bżonn jagħmel biex almenu jikseb lura mqar ftit tal-fiduċja. Dan ma jistax jagħmlu jekk jibqa’ għaddej bil-politika ta’ negattiviżmu speċjalment meta jidher li se jibqa’ jordna dimostrazzjonijiet u protesti fit-toroq li issa mhux biss indraw imma saru inutli. 

Għalhekk aħna naqblu ma’ dak li qal ftit ilu d-Deputat Nazzjonalista Għawdxi, Dr Alex Borg, illi l-aħħar protesta li sar ma kienx hemm lok għaliha bħalma ma kienx hemm lok għall-borom, twaġen, sfafar u għajjat isteriku ieħor. B’din il-protesta, kif qal l-istess Borg, il-poplu twassallu messaġġ ineffettiv.

Ikun tajjeb għalhekk jekk il-Partit Nazzjonalista u l-mexxejja tiegħu jagħrfu li l-atteġġjament ta’ wħud minnhom, kemm fil-Parlament u anke barra, jeħtieġ li jibdluh, jekk iridu jibdew jitwemmnu. Għandhom jagħrfu wkoll li bil-firdiet u d-diskorsi anke kontra xulxin mhu se jwassluhom imkien anzi jkompli jitfagħhom fl-abbissi tal-politika Maltija. 

Fl-aħħar nett, għandhom jagħrfu wkoll l-obbligu li għandhom li l-kritika jagħmluha waħda kostruttiva u mhux waħda biex sempliċiment jopponu lill-Gvern. Għandhom jirrikonoxxu wkoll l-affarjiet tajba li jsiru u mhux jibqgħu jgħidu le, biex sempliċiment ikunu qalu le. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport