Wednesday, December 25, 2024

“Possibbli għadna nħallu familji jtellgħu kontijiet ta’ eluf ta’ ewro?”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza l-Parlament, id-Deputat Speaker David Agius qal li waħda mill-affarijiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum hija l-provista tad-dawl u l-ilma. Huwa qal li huwa ħażin li jkun hawn familji li jitħallew itellgħu kontijiet ta’ eluf ta’ ewro biex imbagħad jispiċċaw mingħajr provista għax dan jinqatagħlhom. Hawnhekk huwa kkjarifika li l-awtoritajiet għandhom ikunu kapaċi jiddistingwu dwar ir-realtajiet tal-ħajja. Spjega li minkejja każijiet ġenwini, għad hemm familji li jagħżlu li jibqgħu jtellgħu dawn il-kontijiet filwaqt li jinvestu f’affarijiet lussużi bħalma huma karozzi li ma jkunux jaffordjaw. 

“Issa li għaddiet l-elezzjoni jeħtieġ ikun hawn dixxiplina għax il-finanzi tal-poplu issa jibdew jissikkaw. Ma nistgħux nħallu lil kulħadd jiffanga imbagħad ngħidulu biex jissikka ċ-ċintorin”, kompla Agius filwaqt li talab lil dawk kollha li jagħmlu parti mill-Parlament biex jikkontribwixxu u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu li eleġġihom.

Id-Deputat Speaker David Agius fid-diskors tiegħu rringrazzja mill-ġdid lill-bqija tad-deputati u lill-Ispeaker għall-fiduċja fih biex jaqdi dan l-irwol. Huwa esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li numru ta’ deputati huma uċuħ ġodda fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Agius sostna dwar il-bżonn li l-Membri Parlamentari juru rispett lejn xulxin. Huwa qal li dan ma jfissirx li għandhom jitbiegħdu mill-kritika sakemm din tkun waħda kostruttiva. Sostna li f’din il-mixja politika, se ssib min jaqbel miegħek u oħrajn li ma jaqblux. 

Tkellem dwar il-ferħ li ġabu magħhom l-Ispecial Olympics fost dawk kollha li pparteċipaw. Sostna li għalhekk jeħtieġ li bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, fil-jiem, il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, iressqu proposti biex isiru tibdiliet li jkomplu jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini.

Ekonomija

Sport