Illum u għada se tintlagħab il-25 ġurnata tal-Premier League Ingliż wara l-waqfa li saret il-ġimgħa l-oħra biex tintlagħab ir-raba’ round tal-FA Cup. L-aqwa logħba tidher li hija dik li se tintlagħab fl-Etihad Stadium illum bejn Manchester City u Newcastle United.
Dan minħabba li wara 24 logħba għandhom kollox l-istess fil-klassifika saħansitra anke d-differenza tal-goals li hija ta’ +13 kull wieħed bil-kolonna favur it-team ta’ Pep Guardiola tkun li skorjaw sitt goals aktar minn Newcastle.
Ta’ interess f’din il-logħba hija li l-aqwa skorers ta’ kull team se jiffaċċjaw lil xulxin, Erling Haaland (19) għas-City u Alexander Isak (17) għall-Magpies. Għalhekk il-mistoqsija hija … min se joħroġ minn fuq?
Ma rridux ninsew li s-City ġejjin minn telfa sofferta ta’ 3-2 fiċ-Champions League kontra Real Madrid u għalhekk meta l-partita ta’ ritorn hija l-ġimgħa d-dieħla moħħhom ikun kif se jaraw biex idawru l-iskor favur tagħhom.
Il-leaders Liverpool se jkunu f’Anfield biex jilqgħu lil Wolves f’logħba li f’dawn l-aħħar sitt snin dejjem ħarġu rebbieħa. U wara li nhar l-Erbgħa fallew żewġ punti fl-aħħar ħinijiet fid-Derby ta’ Merseyside f’Goodison Park kontra Everton, għada se joqogħdu ferm attenti li ma jinqabdux f’xi sorpriża meta t-timijiet ta’ warajhom, Arsenal u Nottm Forest, se jkunu t- tnejn barra minn darhom.
Ir-Reds jinsabu seba’ punti fuq Arsenal u 10 fuq il-Forest li issa ħadu daqqa ta’ ħarta fit-tentattiv li jistgħu jilħquhom. Għalhekk li jridu jagħmlu huwa li jipproteġu dan il-vantaġġ kemm jista’ jkun.
Min-naħa ta’ Wolves dawn jinsabu fl-inkwiet tar-relegazzjoni u għalhekk iridu joqogħdu attenti biex jibqgħu fuq it-tliet timijiet ta’ taħthom.
Logħba oħra bejn ta’ fuq u ta’ taħt tara lil Leicester City jilqgħu lil Arsenal fil-King Power Stadium biċ-champions tal-2016 jippruvaw iwaqqfu lill-avversarji iktar ikkwotati minnhom li wara li tilfu lil Bukayo Saka, Gabriel Martinelli u Gabriel Jesus b’injuries, issa saru jafu li se jkunu mingħajr Kai Havertz għall-kumplament tal-istaġun.
Il-Gunners fallew erba’ punti minn żewġ draws fl-aħħar sitt ħarġiet waqt li l-Foxes ħarġu b’rebħa u tilfu l-ħamsa l-oħra. Ċertament li hija forma tar-relegazzjoni.
Team li qata’ xi ftit il-kuntatt mill-ewwel erba’ postijiet huwa dak ta’ Aston Villa li jinsabu maqtugħin b’sitt punti minn Chelsea li jinsabu r-raba’ u l-bieraħ kienu fl-azzjoni fl-Amex Stadium kontra Brighton.
L-avversarji tal-Villa huma team ieħor fiż-żona tar- relegazzjoni, Ipswich Town, li żgur se jħossu t-toqol tal-konfront l-iktar meta se jkunu qed jilagħbu barra minn darhom.
Logħba li tidher li għandha tkun bilanċjata se tintlagħab fi Craven Cottage li fiha Fulham se jiltaqgħu kontra Nottm Forest li qed jokkupaw it-tielet post 11-il punt iktar mill-Cottagers.
Fl-aħħar ħarġa fil-kampjonat il-Forest rebħu bl-iskor kbir ta’ 7-0 kontra Brighton iżda sabuha diffiċli biex għaddew għall-ħames round tal-FA Cup meta għelbu lil Exeter City ta’ League Two, 4-2 bil-penalties wara draw ta’ 2-2 wara l-ħin barrani.
It-team tal-qiegħ tal-klassifika, Southampton, se jkunu f’St Mary’s Stadium biex jospitaw lil Bournemouth li jinsabu tliet punti bogħod mir-raba’ post li huwa okkupat minn Chelsea.
Iċ-Cherries rebħu tliet logħbiet, ġew draw tnejn u tilfu l-aħħar waħda waqt li s-Saints rebħu l-aħħar waħda u tilfu l-ħamsa ta’ qabilha bil-kitba għalihom li se jitilfu posthom mal-kbar hija miktuba fuq il-ħajt.
West Ham u Brentford se jkunu nvoluti fid-Derby ta’ Londra li se ssir fil-London Stadium bil-Bees jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika u l-Hammers jinsabu l-ħames mill-aħħar 10 punti aħjar minn Leicester li jinsabu t-tielet mill-aħħar.
Il-manager Graham Potter reġa’ għandu lura lill-attakkant Jarrod Bowen wara li kien weġġa’ bil-preżenza tiegħu tinħass meta anke sab ix-xibka fit-telfa 2-1 kontra Chelsea fit-3 tax-xahar.
Wara d-draw drammatiku kontra Liverpool, Everton se jmorru Selhurst Park biex jiltaqgħu ma’ Crystal Palace b’dawn qed igawdu tliet punti vantaġġ fuq it-Toffeemen.
Il-forma taż-żewġ timijiet hija kważi identika għax jekk l-Eagles ħadu 13-il punt mill-aħħar sitt logħbiet, il-Blues ħadu 10 punti bid-draw ma’ Liverpool twaqqfitilhom sensiela ta’ tliet rebħiet.
Il-logħba li tagħlaq il-programm hija ta’ profil għoli almenu f’dawk li huma ismijiet tal-protagonisti, Tottenham Hotspur u Manchester United li dan l-istaġun ma kienx wieħed tajjeb għat-tnejn li huma.
Il-United jinsabu fit-13-il post żewġ punti fuq Spurs meta mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu seba’ u erbgħa punti rispettivament, rebħ baxx minn total ta’ 18.