Thursday, March 28, 2024

“Prim Ministru ta’ wens, motivazzjoni u serħan il-moħħ għas-soċjetà kollha” – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

Fit-tieni anniversarju ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru dan is-sit talab il-kummenti tas-Segretarju tal-GWU Joef Bugeja b’rabta mal-ħidma li saret f’dan il-perjodu. Bugeja fakkar li xahrejn biss wara l-ħatra ta’ Dr Robert Abela bħala Prim Ministru faqqat il-pandemija tal-Covid-19 u li din ġabet magħha numru ta’ sfidi.

Kompla biex jgħid li l-ewwel indikazzjonijiet kienu juru li eluf ta’ ħaddiema se jitilfu l-impjieg tagħhom. Matul id-diversi laqgħat li saru mal-imsieħba soċjali u anke direttament mal-GWU biex jiġu diskussi d-diversi pakketti ta’ inċentivi, il-Prim Ministru Abela wera sens ta’ determinazzjoni, umiltà, serħan il-moħħ u tmexxija soda.

“Matul dawn il-laqgħat semagħna, fehem l-inkwiet tagħna, għarbel il-proposti tagħna u implementa diversi miżuri biex jiġu salvati dawn l-impjiegi kollha. L-appoġġ u sostenn tal-Prim Ministru, għalina u għall-ħaddiema li nirrappreżentaw kien wieħed kbir”, qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Bugeja jkompli li fil-fatt waqt dan il-perjodu sar l-ikbar investiment fuq il-ħaddiema, dak tal-Covid Wage Supplement li sa issa dan l-investiment sewa ’l fuq minn €650 miljun. Anke f’diskussjonijiet dwar il-Budget il-Prim Ministru kien determinat li jgħin l-aktar lil dawk l-aktar vulnerabbli ta’ soċjetà.

Bugeja żied jgħid li Abela qiegħed jagħmel bidliet kbar dwar il-governanza tajba u tmexxija trasparenti. Anke fejn jidħlu riformi bħal tal-użu responsabbli tal-kannabis wera determinazzjoni li jasal biex ħadd ma jibqa’ jbati.

“Żgur li dawn is-sentejn ma kinux faċli imma l-Prim Ministru kien ta’ wens, motivazzjoni u serħan il-moħħ għas-soċjetà Maltija kollha”, tenna Bugeja.

Ekonomija

Sport