Sunday, December 22, 2024

PROĊESSI ĠUDIZJARJI

Aqra wkoll

Il-proċessi ġudizjarji kbar li nbdew il-ġimgħa li għaddiet jeħtieġ li jitkomplew sal-aħħar b’mod trankwill u b’ħeffa. Dawn huma żewġ għanijiet vitali għall-interess nazzjonali, li jridu jintlaħqu minkejja kull diffikultà.

Wieħed seta’ jistenna ċaqliq fit-toroq għall-bidu tal-proċessi. Jekk kien hemm punt ta’ ġid xi jsir bih, li ma naħsibx, issa dan sar. Li jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin, ma jista’ jagħmel la sens u lanqas ġid. L-aqwa ċaqliq li għandu jsir hu dak sieket imma qawwi tal-imħuħ mobilizzati biex jiskopru l-verità u xejn ħliefha, waqt li jiżvelaw il-qerq kull fejn jinsab.

Sadattant, fit-tmexxija ġudizjarja, hemm bżonn ta’ ħeffa li bl-ebda mod ma xxellef it-twettiq tal-ġustizzja. Wisq drabi fl-imgħoddi mbiegħed u riċenti, l-qrati saru bir tas-skieken fejn indifnu kemm il-kejl tal-ġuztizzja u kemm ir-reputazzjoni ta’ akkużati li baqgħu innoċenti fil-kelma biss. Jekk proċess ġudizjarju jista’ jwassal biss sal-limbu, hu vvizzjat.

MIN IREWWAĦ

Fil-politika jiġu żminijiet li joffru opportunitajiet sħaħ għal min jiddeletta filli jrewwaħ it-taħwid fost il-poplu. Hemm min jagħmel hekk għax fit-taħwid jara sors ta’ profitt personali. Oħrajn jiddelettaw bih għax jagħtihom sens ta’ avventura kontra l-monotonija li jaraw madwarhom. Terġa’, hemm min fit-taħwid mingħalih ikun jista’ jżelleġ u jħassar l-konsegwenzi negattivi għalih ta’ dak li jkun wettaq.

Fost l-espressjonijiet li jintużaw dwar dawk li jiddelettaw filli jrewħu hemm dik ta’ agents provocateurs—nies li joħolqu inċidenti li se jipprovokaw inċidenti akbar. Kellna ħafna minnhom fl-imgħoddi. Irridu noqogħdu b’seba’ għajnejn biex ma nħallux lil dawk tal-lum jiftħu pjagi ġodda.

NEWTRALITÀ

Aktar ma jgħaddu l-ġimgħat u x-xhur… u jikber l-impenn fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex din tavvanza l-pjani biex ikollha politika ta’ difiża.. aktar nitħasseb dwar is-salvagwardja tan-newtralità ta’ Malta. Bla dubju, l-politika ta’ difiża Ewropea, bil-mod kif qed titħassel, tammonta żgur għal alleanza militari li hi projbita bil-kostituzzjoni ta’ Malta.

Hemm mod u mod kif Malta tista’ tiċċappas ma’ din l-alleanza. Hemm dak li bih pumm paqq, issir parti minnha. U hemm il-mod, aktar kajman, kif nofs pass wara l-ieħor, tikkommetti ruħha għal ħidmiet u impenji li jrenduha fl-aħħar parti minnha.

It-tnejn mhumiex aċċettabbli, anqas u anqas jekk isiru fl-assenza ta’ kull diskussjoni publika u ta’ dibattitu parlamentari dwar id-direzzjoni li sejrin lejha. Il-wirt politiku tan-newtralità hu prezzjuż wisq aktar milli ħafna jimmaġinaw. Tkun traġedja mill-akbar jekk jitħalla jinħaraq u jintilef. Wieħed jitħajjar juża kelma oħra, ħafna aktar qawwija għall-okkorrenza, kieku kellha sseħħ, kelma li tibda bl-istess żewġ ittri.

Ekonomija

Sport