Kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Paralimpiku Malti u The Malta Trust Foundation wasslet għat-tnedija tal-Proġett ISPORT, intenzjonat li jiżviluppa Para Sport għal tfal u żgħażagħ għomja jew bi problemi fil-vista, kif magħruf internazzjonalment bħala Blind Sport jew VI (visually impaired) Para Sport.
Dan il-proġett tnieda f’konferenza stampa fejn ingħataw dettalji dwar l-ambizzjonijiet u l-oġġettivi ta’ dan il-proġett innovattiv. It-tnedija kienet segwita minn Open Day li saret fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, fejn atleti għomja jew bi problemi fil-vista ġew mistiedna biex jipprovaw diversi Blind u VI Para Sports taħt l-istess saqaf, fejn ġew offruti l-Blind Futsal, qdif fuq ġewwa, atletika, judo u anke għawm.
Għal ħafna minn dawn l-individwi, din kienet l-ewwel darba li huma qatt ipparteċipaw fl-isport u f’attività fiżika, li juri l-vojt fis-soċjetà tagħna li l-Proġett ISPORT qed jara li jindirizza. Fit-triq ‘il quddiem, il-parteċipanti fl-Open Day u individwi oħra li huma għomja jew għandhom problemi fil-vista se jingħataw il-gwida mill-KPM biex jissieħbu ma’ klabbs sportivi ħalli jibdew jieħdu sessjonijiet ta’ taħriġ.
Fejn ikun hemm bżonn, se jiġu offruti sessjonijiet ta’ taħriġ individwali, biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel fl-ambjent tal-klabbs sportivi fejn l-atleti għomja u b’visual impairment se jkunu mħeġġa biex jitħarrġu flimkien ma’ atleti abbli u li jaraw.
Iċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, l-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li “dan kien il-pass naturali li kien imiss għal The Malta Trust Foundation, fil-kuntest tax-xogħol li nagħmlu ma’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità. Għalhekk meta l-Kumitat Paralimpiku avviċinawna biex nikkollaboraw, mill-ewwel rajna l-ġid li jista’ joħroġ minn dan il-proġett. Irridu li ISPORT ikun opportunitá oħra biex tfal u żgħażagħ b’diżabilitá jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Jixraqilhom.”
Min-naħa tal-Kumitat Paralimpiku Malti, is-Segretarju Ġenerali Julian Bajada enfasizza li l-Proġett ISPORT jimmarka fażi ġdida għall-iżvilupp ta’ Para Sport f’Malta, filwaqt li nnota li l-proġett jinkorpora l-ethos tal-KPM fejn l-inklużjoni tilħaq l-eċċellenza.
Il-KPM u TMTF jinkoraġġixxu individwi għomja u bi problemi fil-vista, u l-qraba tagħhom, biex jagħmlu l-ewwel pass fl-isport u jimxu ‘l quddiem biex jipparteċipaw fil-Proġett ISPORT.
Dan il-proġett se jkun qed ikopri l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni, l-ikkowċjar u spejjeż oħra relatati sabiex ma jżidx xi nfiq ieħor lill-familji tat-tfal u ż-żgħażagħ li se jipparteċipaw.
Għal aktar informazzjoni, individwi interessati jistgħu jikkuntattjaw lill-KPM permezz ta’ [email protected] jew TMTF permezz ta’ [email protected].