Sunday, November 24, 2024

Prova tal-impenn favur titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti u l-komunità Beltija

- Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay dwar il-Kumitat għaż-żamma u ġestjoni aħjar f’din il-lokalità

Aqra wkoll

Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay esprima s-sodisfazzjon tiegħu illi d-diskussjonijiet li qed ikollhom, qegħdin iħallu l-frott tagħhom. Tant li stqarr li l-Kumitat għaż-żamma u ġestjoni aħjar fil-Kapitali huwa prova tanġibbli ta’ kemm jinsabu kommessi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u l-komunità Beltija fl-istess waqt li jkun offrut prodott turistiku sostenibbli. 

“Din il-ħidma se sservi biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-bżonnijiet tar-residenti u l-kummerċ fil-Belt Kapitali tagħna,” qal is-Sur McKay f’kummenti ma’ dan is-sit b’rabta mat-twaqqif u l-ħidma tal-Kumitat li se jiffoka fuq il-manutenzjoni, iż-żamma tal-ordni, l-indafa, is-sigurtà u l-aċċessibilità biex b’hekk ikomplu jitjiebu l-ispazji pubbliċi li huma l-qalba tal-ħajja komunitarja f’din il-lokalità.

Il-Kumitat se jkun magħmul minn partijiet interessati fosthom il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Korp tal-Pulizija, id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, il-GHRC, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubbliku. 

Is-Sindku tal-Belt Valletta tenna li “mill-mument li ħadna l-ġurament tal-ħatra, b’sinerġija mill-aqwa ssoktajna bil-ħidma siewja u pass pass bdejna mexjin lejn id-diversi traġitti flimkien bħala Kunsill. Waqt il-kampanja elettorali ersaqna viċin ħafna tan-nies fassalna manifest man-nies, għan-nies. 

“Wara li evalwajna l-ilmenti u x-xewqat tar-residenti Beltin bdejna niddentifikaw dak li verament għandu jingħata prijorità fil-lista twila ta’ xogħlijiet li  huma lkoll allinjati mal-viżjoni unika li nippreservaw il-passat rikk tal-Belt storika tagħna u mmexxuh f’futur sostennibili li jixraq lill-Belt Kapitali tagħna,” qal is-Sur McKay. 

Huwa temm jgħid li l-viżjoni li għandhom għall-futur tal-Belt Valletta hija waħda inklużiva, filwaqt li għandhom ukoll pjan ċar ta’ fejn iridu jaslu. 

Sadanittant, f’kitba fuq Facebook, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef innota kif ix-xogħol se jkun qed isir b’kordinazzjoni sħiħa u id f’id mal-aktar entitajiet importanti fil-Belt Valletta u f’pajjiżna. Huwa qal li meta ftit tax-xhur ilu, il-Ministri Clayton Bartolo u Owen Bonnici kienu kellmuh dwar l-importanza u l-kompożizzjoni ta’ dan il-unit ġdid, aċċetta minnufih. 

“Ix-xogħol skatta ftit tax-xhur ilu, speċjalment f’dak li kellu x’jaqsam ma’ struttura, fondi u rizors uman. Issa se jibda x-xogħol li jidher l-aktar, u ċioe, l-infurzar kontra l-abbużi b’mod ġenerali fil-Belt Valletta. L-estetika tal-attivitajiet fil-pjazez, xogħlijiet aktar spissi ta’ manutenzjoni, żieda fit-tindif u l-makkinarju tat-tindif fil-Belt Valletta. “Stewards” apposta fuq rondi ġodda ta’ kuljum, u proġett ta’ tisbiħ (landscaping) madwar il-Belt Valletta, fost ħafna xogħol ieħor,” qal Micallef.

Huwa tenna li jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu kbir sabiex flimkien ma’ sħabu jkomplu jindokraw lill-kapitali ta’ pajjiżna. “Fejn minn kapitali mejta sa 15-il sena ilu, illum għandna kapitali ħajja, vibranti, mimlija nies, turisti, attivitajiet kulturali ta’ kwalità, negozju li jirrendi, u jħaddem eluf ta’ nies, u fuq kollox kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini Beltin kollha. L-istess ċittadini Beltin li tkellmu bl-aktar mod ċar u sod fl-aħħar riżultat elettorali għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.”

Sport