Tuesday, December 24, 2024

QAFAS TA’ POLITIKA SERJA GĦAT-TFAL

Aqra wkoll

Wieħed mill-prijoritajiet tal-Gvern Laburista hu t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Saħansitra l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun ippubblikat dokument finali ta’ Qafas ta’ Politika għat-Tfal għas-snin 2024- 2030.

Dan il-pass qed iseħħ wara konsultazzjoni wiesgħa li qanqlet interess qawwi fost in-nies tant li f’dan ir-rigward ninnutaw b’sodisfazzjon illi daħlu ‘l fuq minn 200 sottomissjoni mit-tfal infushom u 35 sottomissjoni oħra min-nies u entitajiet li huma involuti f’dan il-qasam.

Minnu nnifsu, dan juri kemm il-Gvern tassew qiegħed jisma’ x’għandhom xi jgħidu u x’iridu t-tfal. Dan ix-xogħol ukoll qiegħed isir id f’id mal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għal Garanzija tat-Tfal li fih hemm miżuri importanti, li l-Gvern, għax għandu ruħ soċjali, qed jimplimenta biex ikompli jindirizza realtajiet u ċ-ċirkustanzi soċjali tal-lum u kif jistgħu jkunu fil-ġejjieni.

Ma nistgħux ma ninnutawx bmod pożittiv kif nofs il-miżuri soċjali f’dan il-Pjan t’Azzjoni qed jiġu implimentati f’oqsma kruċjali bħalma huma s-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, is-saħħa fiżika u mentali u l-akkomodazzjoni soċjali.

Fl-istess waqt, il-Qafas tal-Politika għat-Tfal, nifhmu li se jipprovdi għal aktar ħin tal-ġenituri ma’ wliedhom. Dan kif rifless mit-tfal infushom meta kienu mistoqsija x’jixtiequ aktar, b’temi oħrajn li tqajmu minnhom kienu l-ambjent, is-saħħa u l-edukazzjoni fost oħrajn.

Bħala ġurnal tennejna bosta drabi dwar il-ħtieġa ta’ qafas ta’ politika għat-tfal għalhekk naqblu perfettament ma’ dak li stqarr il-Prim Ministru li t-tfal mhux biss huma l-preżent u l-futur imma l-bażi tas-soċjetà Maltija.

Għalhekk ukoll narawħ pass sinfikanti ‘l quddiem li t-tfal jibqgħu jingħataw kull appoġġ neċessarju u vuċi sabiex il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiżi ikun isbaħ, aħjar u stabbli.

Dan kollu qed isir flimkien ma’ għadd ta’ miżuri oħra li qed ikomplu jkunu ta’ sostenn għall-familji Maltin u Għawdxin. Tant li fi tmiem din il-ġimgħa, aktar minn 23,000 familja se jkunu qegħdin jingħataw pagament ieħor tal-in work benefit u tal-Carer’s Grant, b’nefqa ta’ 4.2 miljun ewro.

Ekonomija

Sport