Saturday, May 18, 2024

“Qatt ma ħadt sehem fl-ebda laqgħa fil-proċess kollu tal-għażla”

L-Eks PM Joseph Muscat fix-xhieda tiegħu quddiem il-PAC

Aqra wkoll

L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat sostna li huwa qatt ma ħa sehem fl-ebda laqgħa fil-proċess kollu tal-għażla filwaqt li fisser ukoll illi qatt ma saru xi tip ta’ diskussjonijiet mal-Electrogas minn qabel dwar il-powerstation il-ġdida, kemm mal-familja Fenech, Apap Bologna jew ma’ nies oħra fir-rigward ta’ dan it-tender.

Qal dan fix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC), dwar il-proġett tal-Electrogas. Rigward minn fejn ġiet l-idea jew il-kunċett li jkollna powerstation li taħdem bil-gass, Dr Muscat saħaq li l-għan ewlieni kien li jitraħħsu l-kontonijiet tad-dawl b’25% u li dan isir bla sussidji, b’mod sostenibbli kif għadhom sal-lum, u li jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja permezz tal-għeluq tal-powerstation tal-Marsa u l-qalba miż-żejt għall-gass.

Ritratt: Joseph Calleja – Talk.mt

Huwa kompla jgħid li dak iż-żmien riedu li jkollhom energy mix, b’ġenerazzjoni tal-elettriku mill-gass li huwa l-iktar fossil fuel li ma jniġġiżx, bl-interconnector u bl-enerġija rinovabbli. Min-naħa l-oħra, għalkemm Gvern Nazzjonalista kellu strateġija li jmur għall-gass tant li din l-idea kienet issemmiet b’mod ċar ħafna fl-2005 permezz tal-pjan tal-Enemalta li kien sar fi żmien Gvern Nazzjonalista, madanakollu ħareġ tender biex tinbena powerstation li taħdem bil-heavy fuel oil, qal Dr Muscat.

“Jekk wieħed iqabbel dak li l-pajjiż ħallas fil-ħames snin tal-ftehim tal-hedging biex iffissajna l-prezz tal-gass ma’ dak li konna nħallsu billi nużaw biss l-interconnector, b’kollox bħala pajjiż iffrankajna €125 miljun … li kieku ma kienx għal dan il-proġett, pajjiżna ma kienx jieħu r-ruħ ekonomikament. Ghalħekk, m’għandi l-ebda diffikultà li niddefendi dan il-proġett,” kompla jargumenta Dr Muscat.

Sport