Wednesday, May 13, 2026

“Qed inwettqu l-akbar proġetti ambjentali li qatt saru f’pajjiżna”

- il-Prim Ministru Robert Abela 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Qegħdin nagħmlu u nwettqu l-akbar proġetti ambjentali li qatt saru f’pajjiżna.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fil-White Rocks fejn ħabbar sett ta’ proposti dwar l-ambjent mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista “Int Malta – il-Ħolma Tiegħek. il-Proġett Tagħna.” 

Dr Abela beda biex tkellem dwar l-iffirmar ta’ kuntratt storiku li permezz tiegħu Manoel Island u Forti Tigné jerġgħu lura għand il-poplu. Innota kif b’dan il-ftehim “gżira sħiħa li amministrazzjoni preċedenti kienet tat għall-iżvilupp” inġiebet lura u ngħatat lill-poplu Malti u Għawdxi.

Dwar il-White Rocks, il-Prim Ministru semma kif għal tant u tant snin kienu nħarġu sejħiet pubbliċi biex dan is-sit jiġi żviluppat fi proprjetà. Huwa sostna li ttieħdet id-deċiżjoni li jikkanċellaw is-sejħa pubblika pendenti u biex minnufih dan is-sit ta’ 369,000 metru kwadru jingħata lura lill-familji Maltin u Għawdxin. 

Dr Abela kompla jgħid li enfasi ewlenija tal-manifest elettorali hi dwar il-benesseri tan-nies. Fil-fatt, waħda mill-għaxar dimensjonijiet elenkati fil-manifest hi dik ambjentali.

Huwa qal li filwaqt li dan il-Gvern qiegħed jagħti gżira sħiħa lill-poplu, ħaddieħor fl-2006 kien għażel li art daqs is-Siġġiewi minn żona barra mil-iżvilupp jixħitha within development scheme.

“Gvern Laburista jagħti impenn ċar li jekk ningħataw il-fiduċja fit-30 ta’ Mejju, li l-artijiet kollha tal-Gvern li jinstabu f’dawk iż-żoni li ddaħħlu permezz ta’ dak l-eżerċizzju ta’ rationalisation, ma jsir fuqhom ebda żvilupp ta’ natura spekulattiva,” ħabbar il-Prim Ministru. “Dak il-prinċipju ta’ emendi għal pjani lokali kull fejn hu meħtieġ se nestenduh għall-parks kollha li qed inwettqu.”

Proġetti ta’ spazji miftuħa madwar il-pajjiż

Il-Prim Ministru ta elenku wkoll tal-ħidma li se tissokta fuq proġetti ta’ spazji miftuħa madwar il-pajjiż kollu. Huwa qal li se jkomplu jiġu estiżi Wied Inċita, il-Park ta’ Bengħajsa u l-Park tas-Salina.

Fost il-proposti, il-Prim Ministru ħabbar li l-park fl-inħawi tal-Fgura, li jfisser spazju aħdar ta’ 40,000 metru kwadru, se jgħaqqad din iż-żona mal-park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar. Dan filwaqt li se jkompli x-xogħol fuq l-aħħar fażi tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.

“Miinflok l-impjant tal-WasteServ f’Wied il-Għajn, qed nagħmlu ġnien li għandu volum ta’ madwar 24,000 metru kwadru. F’Pembroke se noħolqu l-Park ta’ San Patrizju u l-ispazju madwar il-Fortizza Delle Grazie fix-Xgħajra se jinbidel fi spazju pubbliku.”

“Għaddejja ħidma estensiva biex il-ġonna tal-Furjana u l-Pietà jingħaqdu f’forma ta’ green network. Inbeda xogħol ieħor fil-Ġnien tal-Pinetum u nħarġu permessi biex isir xogħol ta’ riġenerazzjoni fi Ġnien tal-Milorda,” kompla jħabbar il-Prim Ministru.

Dr Abela qal ukoll li f’din l-aħħar leġiżlatura tħawlu mas-60,000 siġra u qed ikomplu jitqassmu eluf ta’ siġar b’xejn biex dawn jitħawlu. Huwa semma kif qed ikun propost proġett ta’ afforestazzjoni fiż-żona ta’ San Niklaw fis-Siġġiewi. “Żewġ barrieri li fihom se noħolqu park b’mijiet kbar ta’ siġar. Qegħdin nitkellmu fuq sit ta’ 100,000 metru kwadru.”

Riżorsa mill-iskart

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru ħabbar li se jibda xogħol fuq l-impjant il-ġdid ta’ €75 miljun li jibdel l-iskart organiku f’enerġija rinnovabbli. Dan se jkun jista’ jibdel volumi ogħla ta’ skart organiku f’enerġija jew kompost. 

Dan filwaqt li stqarr li “se nibqgħu impenjati favur l-iżvilupp tal-impjant tal-waste-to-energy li se jkun kapaċi jipproċessa 192,000 tunnellata ta’ skart mhux riċiklabbli u jservi ta’ wieħed mis-sorsi ta’ enerġija ewlenin ta’ pajjiżna.”

Huwa semma wkoll kif fl-2023 bdiet topera faċilità fil-kumpless ecohive li tissepara kartun u plastik minn skart ieħor biex jiġu rriċiklati u użati mill-ġdid. Fis-snin li ġejjin se jkun qed jibda x-xogħol fuq skip facility li tipproċessa madwar 50,000 tunnellata ta’ skart goff li jiddaħħal fil-kumpless permezz ta’ open-top skips.

Pjan fis-settur tal-ilma

Sadanittant, b’rabta mas-settur tal-ilma, il-Prim Ministru qal li “llum għandna l-aqwa kwalità tal-ilma tal-vit li qatt kellu pajjiżna. L-itjeb kwalità u li hija konsistenti madwar il-pajjiż kollu.”

Huwa tenna li rridu nissalvagwardjaw aktar l-ilma tal-pjan fosthom b’teknoloġija li titmexxa mill-Intelliġenza Artifiċjali. Hawnhekk ħabbar li se jsir investiment f’desalination plant ġdida ġewwa Ħal Far biex inkomplu nżidu l-produzzjoni ta’ ilma li jissaffa, li jkun ġej mill-baħar. 

Il-Prim Ministru tenna jgħid li rridu nħarsu wkoll id-drittijiet ta’ dawk li investew f’panelli solari fuq il-bjut tagħhom. “Nemmen li għandhom isiru emendi legali sabiex jingħata kumpens xieraq lil persuni li l-installazzjonijiet tagħhom jiġu affettwati minn żvilupp ġdid li jkun se jsir madwarhom. Proposti li jrid ikun hemm konsultazzjoni wardom, imma li huma meħtieġa biex inkomplu nġibu l-bidla fil-qasam tal-ambjent.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li dawn kollha huma prijoritajiet li l-pajjiż irid iħares lejhom għas-snin li ġejjin. “Aħna determinati u x-xogħol li sar fl-aħħar snin huwa pedament importanti li fuqu se nkomplu nwettqu din l-akbar trasformazzjoni.”

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli flimkien mal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Naomi Cachia.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport