“Qed ngħaddi lil Yorgen Fenech minn għandi għal għandkom”- l-avukat Charles Mercieca għad-Difiża

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar tal-indirizz tiegħu lill-ġurati, l-avukat Charles Mercieca li hu parti mid-Difiża ta’ Yorgen Fenech, appellalhom biex jiżnu bir-reqqa dak kollu li semgħu waqt il-ġuri. Iddikjara li issa kien kien wasal il-mument li “ngħaddi lil Yorgen Fenech minn għandi għal għandkom”.

Ilbieraħ id-Difiża temmet il-kontro-replika tagħha fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech. Nhar it-Tnejn, l-Imħallef Edwina Grima tindirizza lill-ġurati u mbagħad wara dawn jirtiraw biex jiddeliberaw. Huma se jkunu ilhom 52 jum f’dan il-ġuri. 

Hu temm b’appell qawwi u dirett lill-ġurati. Hu ddikjara hekk: “nitlobkom, tintużawx biex tagħmlu timbru mal-gideb ta’ Keith Schembri u Melvin Theuma. Tħalluhomx jużawkom bħala s-salvawomo ta’ Schembri u Theuma.”

Merċieċa jgħid li l-pożizzjoni ta’ Yorgen

baqgħet dejjem l-istess

L-avukat Charles Mercieca fl-indirizz tiegħu iddikjara b’mod ċar u enfasizza l-fatt li l-pożizzjoni ta’ Yorgen Fenech baqgħet dejjem l-istess sa mill-bidu. “Jien ma ħallastx u ma ordnajtx id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia”, enfasizza l-avukat Charles Mercieca.

L-avukat Merċieċa għamel dikjarazzjoni oħra qawwija meta  qal li “daħħluh, daruh u issa jridu li jikkundannawh”. 

Mercieca kompla jakkuża lill-Prosekuzzjoni li qed tipprova tagħmel għamad ma’ għajnejn il-ġurati dwar dak li d-Difiża tqis bħala nuqqasijiet serji fl-investigazzjoni.

Hu rrefera għall-aġir tal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien u enfasizza  li kien hemm interventi biex iċ-Chief of Staff Keith Schembri ma jissemmiex u biex Melvin Theuma jingħata l-proklama.

L-avukat Mercieca f’dan il-punt enfasizza l-allegat pjan tas-sena 2015 bien tinqatel.

Insista li l-ġurati ma jistgħux jinjoraw il-linji l-oħra ta’ evidenza u allegazzjonijiet li, fil-fehma tagħha, joħolqu dubju dwar il-każ imressaq kontra Fenech.

Tensioni fl-awla kif is semma l-laptop

Waqt il-ġuri, l-avukat Merċieċa irrefera għal laptop ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn ma naqasx li jiddikjara li  seta’ kien fih informazzjoni rilevanti biex jiġi stabbilit il-mottiv wara l-qtil tagħha.

L-avukat qara minn  rapport li fih, skont id-Difiża, jingħad li fil-laptop kien hemm informazzjoni  deskritta bħala “indispensabbli”. Issemma’ li kien hemm materjal dwar terzi persuni li setgħu kellhom rabta mad-delitt.

Mercieca semma’ l-pożizzjoni tal-familja Caruana Galizia dwar id-data fuq il-laptop, u sostna li din riedet li l-informazzjoni titneħħa mill-apparat.

Kien f’dan il-mument li din id-dikjarazzjoni qanqlet kummenti min-naħa tal-familja ta’ Caruana Galizia preżenti fl-awla, bil-konsegwenza li l-Imħallef Edwina Grima kellha tintervjeni u titlob is-skiet.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport