Il-każ ta’ stupru fuq minorenni fin-Nadur u l-influwenza ta’ qassis… “Il-mistoqsijiet għalija żdiedu mhux naqsu”

- l-eks Kummissarju Ewropew, Helena Dalli

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-istqarrija li nħarġet mill-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma, dwar il-kontroversja li kienet qamet dwar sentenza mogħtija mill-Qorti dwar stupru fuq minorenni ta’ Nadur, qajmet għadd kbir ta’ reazzjonijiet.  Għal ħafna l-istqarrija kienet ‘dgħajfa’. Oħrajn ħassew li ma kinux sorpriżi bih. IT-TORĊA għamlet kuntatt mal-eks Kummissarju Ewropew, Helena Dalli dwar dan il-każ li fi kliemha stess, “il-mistqosijiet għalija żdiedu u mhux naqsu”. 

Il-każ tal-allegat stupru u korruzzjoni ta’ minuri fin-Nadur, kellu żvolta fl-aħħar sigħat u dan hekk kif il-Ġimgħa kmieni filgħodu inħarġet dikjarazzjoni mill-Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex, Anton Teuma. Dan kien jirrigwarda kontroversja dwar każ fejn erba’ akkużati ġew illiberati u kien hemm jiżfen fin-nofs ħlas ta’ €120,000 lill-familja tal-vittma. F’dan il-każ hemm allegazzjonijiet ta’ pressjoni kbira fuq l-istess familja kif ukoll kien imsemmi qassis – Fr Michael Said. Fil-Qorti kien allegat involviment minn dan il-qassis – li avviċina lill-familja u qalilhom biex iwaqqfu l-proċess kif ukoll ta parir biex “jippruvaw ma jkabbrux l-affarijiet”.  Fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-Isqof t’Għawdex, Anton Teuma enfasizza li “l-intervent ta’ influwenza tal-qassis ma kienx wieħed għaqli u dan is-sacerdot jgħarfu’. Qal iżda li m’hemm ebda ħtieġa li tittieħed xi tip ta’ azzjoni kanonika kontra is-sacerdot u dan hu konfermat minn żewġ inkjesti li saru.

“Meta jkun hemm relazzjoni pastorali, hemm ukoll żbilanċ ta’  awtorità u fiduċja li ma nistgħux ninjorawh”

L-eks Kummissarju Ewropew, iddikjarat ma’ IT-TORĊA li “sentenza ċentrali fl-istqarrija tal-Isqof Teuma wara żewġ investigazzjonijiet hija: “Iċ-ċirkostanzi tal-każ juru li kien hemm influwenza minn naħa tas-saċerdot fuq il-familja biex din wasslet biex waqqgħet il-kawża.”

Tenniet li “minn hemm ’il quddiem, l-istqarrija tidħol f’serje ta’ distinzjonijiet li però ma jneħħux il-mistoqsija fundamentali: X’għandu jagħmel saċerdot meta familja tiġi għandu dwar abbuż sesswali fuq tifla ta’ 13-il sena? Għandu juża l-influwenza pastorali tiegħu biex jgħin lill-familja twaqqaf il-proċess? Jew għandu jużaha biex jgħin lill-vittma, jipproteġiha u jħalli l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha?”.

Kompliet tgħid li “l-intenzjoni hija rilevanti, iżda mhijiex kollox. Persuna tista’ taħseb li qed tagħmel il-ġid u xorta waħda tagħmel xi ħaġa li jkollha konsegwenzi serji. U meta jkun hemm relazzjoni pastorali, hemm ukoll żbilanċ ta’ awtorità u fiduċja li ma nistgħux ninjorawh. Aktar u aktar meta nafu x’ġara wara. Li l-omm reġgħet marret għand il-Pulizija tibki u tgħid li ħasset li kienet “biegħet il-ġisem ta’ bintha”. Il-missier eventwalment ressaq is-€7,000 fil-Qorti. U snin wara kien hemm ftehim ieħor ta’ €120,000.”

Helena Dalli tgħid li “għalhekk ma nistax naqbel mal-mod kif fl-istqarrija tiegħu l-Isqof  inaqqas dak li ġara għal intervent li sempliċement “ma kienx wieħed għaqli”.

Enfasizzat li “mhux għaqli” hija deskrizzjoni ħafifa għal intervent li, skont l-Isqof stess u skont il-qorti, influwenza familja biex twaqqa’ kawża dwar abbuż sesswali fuq minorenni. U hawnhekk jonqosni punt fundamentali fl-istqarrija tal-Isqof Teuma: kundanna ċara tal-aġir innifsu. Mhux biżżejjed jingħad li llum is-saċerdot kien jaġixxi mod ieħor. Għandu jingħad ċar li f’każ ta’ allegat abbuż sesswali fuq minorenni, ma kienx post is-saċerdot li jintervjeni b’mod li jinfluwenza lill-familja biex twaqqaf il-kawża. Kien imissu għen lill-familja u lill-vittma biex il-proċess jieħu l-kors tiegħu. Lanqas ma jikkonvinċi l-argument li “fl-ebda mument il-Qorti jew xi awtorità oħra ma ħassew li għandhom jipproċedu legalment kontra s-saċerdot”.

Saħqet li “sistema ta’ “safeguarding” tal-Knisja żgur ma tistax taħdem fuq il-prinċipju li aġir ma jistħoqqlux konsegwenzi sakemm ma jilħaqx il-livell ta’ reat kriminali. Ir-responsabbiltà kriminali u r-responsabbiltà pastorali u istituzzjonali huma żewġ affarijiet differenti. U jekk, kif qed jgħidilna l-Isqof innifsu, kien hemm influwenza minn saċerdot (qarib tal-aggressuri)  li wasslet biex familja twaqqa’ kawża dwar abbuż sesswali fuq tifla ta’ 13-il sena, il-mistoqsija m’għandhiex tkun biss jekk dak l-aġir kienx kriminali. Għandha tkun jekk dak l-aġir kienx kompatibbli mar-responsabbiltà li ġġorr magħha l-pożizzjoni ta’ saċerdot u mal-prinċipji stess tas-“safeguarding.”

Kompliet tgħid li “fl-aħħar tal-istqarrija l-Isqof jitlob lill-midja toqgħod lura milli “tgħaddi ġudizzji fuq aġir ta’ terzi mingħajr ma jkollha l-kwadru sħiħ tal-fatti kollha. Imma l-kwadru li tana hu stess illum jikkonferma proprju l-element li qanqal l-akbar tħassib: li kien hemm influwenza minn saċerdot fuq il-familja u li dik l-influwenza wasslet biex il-kawża titwaqqa.  Dal li nkiteb f’Marzu li għadda ma kienx ibbażat fuq xnigħat jew fuq allegazzjonijiet mhux ivverifikati. Kien hemm deċiżjoni tal-Qorti u fatti li ħarġu mill-proċess ġudizzjarju.

Il-midja għandha tkun aktar sensittiva meta tirrapporta każijiet bħal dawn u għandha, fuq kollox, tħares lill-vittmi. Imma s-sensittività lejn il-vittma ma tistax issir argument kontra l-iskrutinju ta’ dawk li kellhom poter u influwenza fuqha u fuq il-familja tagħha.”

Qalet ukoll li “jien nifhem li “safeguarding” ma jfissirx biss li ma tabbużax. Ifisser ukoll li, meta ssir taf b’allegazzjoni serja ta’ abbuż, ma tagħmel xejn li jista’ jwaqqaf, idgħajjef jew jiddevja l-proċess li għandu jwassal għall-verità u l-ġustizzja. U fuq dan, wara l-istqarrija tal-Isqof tal-lum, il-mistoqsijiet għalija żdiedu, mhux naqsu”, temmet tgħid Helena Dalli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport