€11-il miljun f’għajnuna għall-kera … 4,000 persuna jibbenefikaw minn sussidji għall-kera fl-2025 

‘Smajna lin-nies u qed nestendu l-iskema tal-First Time Buyers’

Aqra wkoll

1 – Fl-aħħar jiem inti ħabbart bidla jew estensjoni fl-iskema tal-First Time Buyers li se taffetwa persuni single jew li jisseparaw. X’bidla qed tipproponu? U għaliex ħassejtu li kellkom tieħdu dan il-pass? 

L-iskema li tagħti €1,000 fis-sena għal perjodu ta’ 10 snin lill-first-time buyers se tiġi estiża wkoll lil hinn minn dawk li jkunu qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Din se tkun miftuħa wkoll għal persuni li, minħabba bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi tagħhom, ikollhom jixtru residenza primarja ġdida, sakemm ma jkollhomx proprjetà oħra f’isimhom. Din tinkludi wkoll persuni separati li jkollhom bżonn jixtru dar ġdida wara li ma jibqgħux jgħixu fid-dar li qabel kienet ir-residenza tal-familja.

Din kienet talba li waslitilna minn bosta persuni li, minħabba ċ-ċirkostanzi ġodda f’ħajjithom, ikollhom il-ħtieġa li jixtru proprjetà ġdida. Smajna lil dawn il-persuni u qed nindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom billi nwessgħu l-aċċess għal din l-għajnuna. Aħna Gvern Laburista li jisma’ u jaġixxi.

2 – Bidla oħra hija dik li titratta persuni b’diżabilità: Hawn ukoll qed testendu l-iskema tal-First Time Buyers. X’bidliet se ddaħħlu fis-seħħ? Għaliex inħass il-bżonn li persuni b’diżabilità jingħataw din l-għajnuna?

Fl-ewwel 100 jum ta’ dan il-Gvern Laburista ġdid, qed insaħħu l-First-Time Buyer Grant. Taħt l-iskema eżistenti, dawk li jkunu qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom jistgħu jirċievu €1,000 fis-sena għal 10 snin.

Din l-għajnuna finanzjarja ntlaqgħet tajjeb minn familji żgħażagħ li qed jippruvaw ilaħħqu mal-ispejjeż finanzjarji marbuta max-xiri ta’ proprjetà ġdida. L-iskema kienet suċċess. Issa qed nieħduha pass ’il quddiem, u din id-darba l-miżura hija partikolarment sinifikanti għall-persuni b’diżabilità.

Il-grant se jiżdied għal €2,000 fis-sena għal 10 snin. Dan ifisser li persuni b’diżabilità jistgħu jirċievu total ta’ €20,000 f’għajnuna finanzjarja.

Din hija żieda sostanzjali fl-għajnuna finanzjarja, iżda aktar minn hekk, hija turija tal-impenn lejn l-ugwaljanza u rikonoxximent tal-fatt li għajnuna mmirata ħafna drabi tkun meħtieġa, għaliex l-isfidi marbuta max-xiri ta’ dar jistgħu jkunu akbar għall-persuni b’diżabilità.

Din it-tħabbira hija konformi mal-impenn tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista taħt EMP 7.009, “Increasing the grant under the First Time Buyer Scheme for first-time buyers with severe disabilities”. Aħna nwettqu l-wegħdiet tagħna, u n-nies jafu dan u jafdaw lill-Partit Laburista għal dan.

3 – Ta’ sikwit nisimgħu l-ilment li l-proprjetà għoliet. Xi skemi wettaq il-Gvern biex jgħin persuni jsiru sidien ta’ djarhom? Bħala Ministru x’inhuma t-tragwardi li tixtieq tilħaq f’termini ta’ home owenership? 

L-għan tagħna huwa li nkomplu naraw aktar Maltin isiru sidien ta’ djarhom. Illum, madwar 85% tal-familji Maltin huma sidien ta’ darhom, kisba importanti li nistgħu nkomplu nsaħħuha.

Ix-xiri ta’ dar huwa impenn finanzjarju kbir, u għalhekk li Gvern Laburista jkompli joffri għajnuna permezz tal-Housing Benefit Scheme, id-Deposit Guarantee Scheme, l-Equity Sharing Scheme, il-grants għall-first-time buyers, u skemi ta’ adattament tad-djar għall-anzjani u persuni b’diżabilità.

Dawn mhumiex sempliċiment numri, iżda jfissru sigurtà, stabbiltà u serħan tal-moħħ għal familji u individwi. Għal Partit Laburista, l-akkomodazzjoni hija dritt fundamentali u l-pedament ta’ soċjetà ġusta.

Din hija l-Malta li rridu: pajjiż fejn il-ġid ikompli jitqassam b’mod ġust biex kulħadd jgħix b’dinjità.

4 – Huwa mifhum li se tkun qed tħabbar mekkaniżmu ta’ tapering tal-benefiċċju mogħti lil min jikri. L-ewwelnett kemm huma dawk li qed jibbenefikaw bħalissa minn dan il-benefiċċju? U x’inhuma l-bidliet prinċipali li  mistenni tħabbar f’dan il-benefiċċju?

Iva, l-benefiċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ eliġibbiltà, iżda jibqgħu jgħixu bħala kerrejja fis-settur privat, mhux se jitilfu l-għajnuna f’daqqa, iżda se jibbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn

Din il-miżura, li tikkostitwixxi t-tieni proposta tal-Manifest Elettorali li qed tiġi implimentata fl-ewwel 100 jum tal-Gvern Laburista, tirrifletti l-impenn tal-Gvern Laburista li jagħmel l-għajnuna aktar ġusta, immirata u sensittiva għall-bidliet fil-qagħda finanzjarja tal-familji.

Taħt il-mekkaniżmu l-ġdid, il-benefiċjarji mhux se jitilfu s-sussidju immedjatament meta jaqbżu l-limitu tad-dħul. Minflok, il-benefiċċju se jitnaqqas gradwalment fuq perjodu ta’ sentejn. Fl-ewwel sena, huma se jibqgħu jirċievu 50 fil-mija tal-benefiċċju li kienu qed jirċievu qabel, filwaqt li fit-tieni sena se jirċievu 25 fil-mija. Dan se jipprovdi aktar stabbiltà lill-familji matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jevita li dawk li jkunu tejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jiġu penalizzati b’mod immedjat.

Fl-2025, in-nefqa fuq din l-iskema laħqet €10.7 miljun, b’ftit inqas minn 4,000 familja tibbenefika minn dan is-sussidju matul is-sena. Il-mekkaniżmu l-ġdid se japplika awtomatikament għall-benefiċjarji eliġibbli, mingħajr il-ħtieġa li ssir applikazzjoni ġdida. 

5  – Kemm se tkun qed taħdem biex proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali jitlestew fis-snin li ġejjin sabiex min ma jiflaħx jixtri u lanqas jikri, jkollu saqaf diċenti fuq rasu? 

Kemm hemm bżonn, u aktar. B’saħħti kollha, u bl-enerġija, u bl-esperjenza kollha tiegħi. Għalina, tal-Gvern Laburista, l-akkomodazzjoni soċjali mhijiex sempliċiment proġett ta’ kostruzzjoni: hija d-differenza bejn familja li tgħix b’dinjità u familja li tgħix fl-inċertezza. Se nkomplu ninvestu f’aktar akkomodazzjoni soċjali, inħaffu l-proċessi , nnaqsu l-burokrazija żejda, u naħdmu bla waqfien biex proġetti jkunu lesti fi żmien qasir kemm jista’ jkun. Ħadd m’għandu jibqa’ mingħajr saqaf diċenti fuq rasu. Din hija r-responsabbiltà tagħna, u se nwettquha b’investiment, ħidma u determinazzjoni. Għax dar deċenti mhijiex lussu. Hija dritt.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport