Thursday, January 30, 2025

“Qed nuri li Malta, gżira żgħira, kapaċi tkun il-mappa internazzjonali”

- Josuel Grech

Aqra wkoll

Josuel Grech huwa impersonatur magħruf bħala Josuel As Elvis. Hu jagħti wirjiet mużikali permezz tal-kant fejn apparti x-xebħ li għandu tal-magħruf Elvis Presley, wieħed jista’ jgħid li għandu vuċi mill-aqwa.

Grech jinsab fis-seba’ sema meta riċentement ħabbar li rebaħ l-kompetizzjoni bħala l-aqwa tribute artist fil-Parkes Elvis Festival.

It-32 sena tal-festival hija tematika dwar il-film ta’ Presley tal-1967 ‘Easy Come, Easy Go’ u timmarka dak li kien ikun għeluq id-90 sena tiegħu. Il-festival huwa l-akbar ċelebrazzjoni tar-re tar-rock ‘n’ roll fin-nofsinhar tad-dinja.

F’messaġġ li bagħat fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Grech qal li b’sodisfazzjon qed jgħid li rebaħ dan il-festival prestiġjuż li xejn ma kien faċli minħabba l-kompetizzjoni kbira li kien hemm. Hu rringrazzja lil kulħadd li wera s-sapport u l-imħabba tiegħu hawn fil-Parkes Elvis Festival.” Hu jgħid li kien ukoll ċans mill-isbaħ għalih biex jiltaqa’ ma’ nies li għandhom l-istess passjoni tiegħu.

Sal-fażijiet bikrija tal-kompetizzjoni, hu kien diġà wasal mal-aħħar tmienja, tragward li diġà kien bonus kbir għalih. Josuel mhux l-ewwel darba li rebaħ konkors anke barra minn xtutna bi prestazzjonijiet ta’ Elvis Presley.

Dan l-ġurnal tkellem ma’ Josuel Grech fejn b’sodisfazzjon hu weġibna għall-mistoqsijiet li għamilnilu. Staqsejnieh kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn Elvis Presley. “Niftakar li kelli dawk il-ħames snin u kien hemm film li laqatni ħafna fuq it-televiżjoni li kien jitratta dwar il-ħajja ta’ Elvis Presley. Jien bqajt sakemm sibt il-kopja tiegħu li ngħożżha ħafna hekk kif kien il-bidu ta’ din l-imħabba. Biex imbagħad verament sostnejt din l-imħabba, fil-karnival ta’ sena partikolari meta kont għadni tifel kont ilbist ta’ Elvis u bdejt inkanta bħalu. Minn hemm indunajt li stajt nagħmel xi ħaġa iktar. Bdejt niżviluppa dan it-talent u sa ċertu punt passatemp, xi ħaġa li verament nieħu pjaċir nagħmel.”

Hu jgħid li meta jara n-nies jiżfnu u jkantaw mal-kanzunetti li jkun qed ikanta, jinduna li verament qed jagħmel xogħlu tajjeb. L-għan tiegħu hu dak li jżomm il-memorja ta’ Elvis Presley ħajja.

Id-diska favorita ta’ Josuel Grech tibqa’ dik li ħarġet fis-snin sebgħin bl-isem ta’ Honka Honka Burning Love li kienet tirrifletti x’kien qed iħoss dan il-kantant dak iż-żmien.

Meta mistoqsi dwar il-festival li ħa sehem fl-Awstralja bl-isem ta’ Parkes Elvis Festival hu ammetta mill-ewwel li ma kienet xejn faċli li rebħu.

“Meta wasalt hemmhekk u rajt dak it-talent kollu kif ukoll il-vuċijiet li smajt għedt mal-ewwel li se tkun diffiċli. Minkejja kollox, jien bniedem li sfida lest li noħodha u tajt il-mija fil-mija tiegħi li fl-aħħar mill-aħħar sarraf f’dan is-suċċess li nixtieq niddedikah lis-segwaċi tiegħi.”

Il-futur ta’ Josuel jidher wieħed sabiħ hekk kif issa se jkun qed jieħu sehem f’kompetizzjoni msejħa Ultimate Contest Elvis fejn bla dubju l-kompetizzjoni se tibqa’ tkun waħda ħarxa.

“L-importanti għalija hu wkoll il-fatt li qed inxejjer il-bandiera Maltija u nuri lid-dinja li gżira żgħira bħal Malta kapaċi tkun fuq il-mappa internazzjonali.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport