Friday, April 19, 2024

RABTIET

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-poter fi kwalunkwe soċjetà qatt ma ssibu kkonċentrat biss f’persuna jew fi grupp wieħed. Hemm diversi kanali li minnhom jiġi eżerċitat b’dawk l-aktar ovvji li jieħdu sura politika, ekonomika u soċjali. Ma’ dawn hemm min jgħodd il-kanali tal-kultura, tar-reliġjon u tal-kumnikazzjoni għalkemm fil-fatt jagħmlu parti mill-qasam “soċjali”.

Biss imbagħad hemm ix-xbieki ta’ rabtiet personali li jinfirxu f’kull soċjetà. Rabtiet ta’ familja, ta’ edukazzjoni u taħriġ jew prattika professjonali, ta’ interess ekonomiku u finanzjarju, ta’ ħbiberija, ta’ twemmin reliġjuż, fost oħrajn. In-nies li jagħrfu lil xulxin f’dawn ir-rabtiet issibhom jiġbdu l-istess ħabel – b’mod “naturali” – meta jiġu biex jiddeċiedu x’inhu l-aħjar li jsir. Jekk ikunu fost l-elites li jiddeterminaw kif jimxu l-kanali tal-poter – se jkollhom l-istess perspettiva politika qabel kollox, imma anke f’oqsma oħra.

Matul is-snin din dejjem kienet problema għall-Partit Laburista. L-elites li ddominaw fil-kanali ta’ poter ekonomiku u soċjali kienu parti mix-xbieki tradizzjonali fostna tar-rabtiet personali.

L-EWWEL TA’ MEJJU

Jidher li ż-żewġ partiti se jkunu qed jagħtu importanza lill-Ewwel ta’ Mejju bħala jum ta’ kommemorazzjoni. L-aċċent sa issa kien fuq id-data bħala jum il-ħaddiem. Uħud se jgeżwru magħha bla dubju kommemorazzjoni ta’ meta Malta saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Personalment ma nara l-ebda mertu f’dat-tieni punt (u nemmen li għandi raġun għalkemm il-moda politika tal-lum hi kompletament kuntrarja…)

Madankollu li reġa’ qed tingħata attenzjoni lill-ħaddiema u l-qagħda tagħhom narah bħala ħaġa pożittiva. Tikkostitwixxi avvanz fuq l-irtirati li seħħew maż-żmien kif hekk il-perspettiva tal-ħaddiema ħadet it-tielet jekk mhux ir-raba’ post wara dik tal-“klassi tan-nofs”. Tal-aħħar hi ċertament importanti, imma saret wisq dominanti.

Naturalment għandi l-fehma tiegħi dwar liema miż-żewġ partiti politiċi ewlenin Maltin hu tassew d-difensur tal-interessi tal-ħaddiema; imma dak suġġett ieħor.

PRESIDENZA

Qed iqum ċertu inkwiet dwar x’jista’ jiġri meta naslu għall-ħatra ta’ President ġdid/a. Bir-regola kostituzzjonali li daħlet dan l-aħħar, irid ikun hemm vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament favur in-nomina. Hemm ċansijiet kbar li dal-qbil ma jinstabx.

Issemmiet bħala soluzzjoni (li trid tkun maqbula b’żewġ terzi, ċara) li meta jiġri hekk, id-deċiżjoni għandha titħalla f’idejn xi kunsill “awtonomu” magħmul minn nies li jkunu servew fl-imgħoddi fit-tmexxija ta’ ċerti oqsma – politika, legali, kummerċjali.

Ma naqbilx. Żgur li mekkaniżmu bħal dan ikollu fih wisq il-piż tar-rabtiet personali fost l-elites tradizzjonali. L-unika soluzzjoni politikament serja tkun dik li tħaddmet fil-qasam tal-Kummissarju tal-iStandards Parlamentari fuq il-mudell Taljan. Wara żewġ votazzjonijiet li jiddependu minn żewġ terzi favur, it-tielet waħda tittieħed b’maġġoranza sempliċi.

Sport