Sunday, June 28, 2026

Raġel jitlef ħajtu f’Kemmuna wara li waqgħet ġebla kbira fuqu

Aqra wkoll

Ilbieraħ, għal xi s-7.15pm, il-Pulizija ġiet mitluba tassisti wara li waqgħet ġebla kbira fuq nies li kienu qegħdin fuq jet ski viċin Kemmuna.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li Amerikan ta’ 32 sena, hekk kif kien ser jaqbeż minn fuq arkata tal-blat, din iġġarfet bih, bil-blata tiġi fuq jet ski li eżatt f’dak il-ħin kien għaddej minn taħtha. Fuq il-jet ski kien hemm raġel u mara miċ-Ċina, li spiċċaw fil-baħar.

L-Amerikan ittella’ mill-baħar minn lanċa privata u ddaħħal fil-Port tal-Imġarr, fejn ingħata l-għajnuna medika pero ma marx l-isptar.

Intant, fuq il-post issejħu uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta li bdew imexxu operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ.

Ftit mumenti biss wara ġiet salvata l-mara li għandha 27 sena u ddaħħlet ukoll fil-Port tal-Imġarr, f’Għawdex. Hemmhekk hija ngħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza. Hija ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi gravi.

Sadanittant kompliet it-tfittxija għar-raġel li kien fuq il-jet ski u li għandu 26 sena. Sfortunatament huwa instab mill-għaddasa tal-Forzi Armati maqbud taħt il-blata fil-baħar, bla ebda sinjal ta’ ħajja. Minħabba l-mod ta’ kif instab, l-operazzjoni sabiex il-katavru jitella’ mill-baħar għadha għaddejja.

ll-Maġistrat Dr Monica Vella LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport