Saturday, December 28, 2024

Raġel mixli b’sensiela ta’ serq minn diversi ħwienet

Aqra wkoll

Mark Scerri ta’ 46 sena residenti Wied il-Għajn tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat b’sensiela ta’ serq minn diversi ħwienet. Hu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti biex kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każi separati.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li fis-16 ta’ Ottubru li għadda l-Pulizija kienet irċeviet rapport ta’ serqa minn ħanut f’Raħal Ġdid u kienu l-pulizija tad-Distrett li mill-ewwel bdew jinvestigaw.

Waqt l-investigazzjoni l-Pulizija ġabru filmati ta’ CCTV u kien minn hawn li l-akkużat ġie ddentifikat. Hekk kif komplew l-investigazzjonijiet sar magħruf li l-istess raġel kien seraq minn ħwienet oħrajn fosthom f’Birkirkara, Ħal Tarxien u l-Gudja.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Scerri kiser l-ordni ta’ provation kif ukoll naqas milli josserva kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każi separati.

L-akkużat wieħed mhux ħati għal akkużi kontrih filwaqt li qal li bħalissa hu jinsab bla impjieg. Id-difiża li kienet immexxija mill-Avukat Joseph Bonnici ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, iżda talbet li Scerri jingħata l-għajnuna li hemm bżonn minħabba l-vizzju tad-droga.

Il-Qorti, li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo ordnat lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħti l-għajnuna li hemm bżonn lil Scerri biex jiġġieled il-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Joseph Camilleri Azarov u Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Antonello Magri, Keith Rizzo u Roxanne Tabone.

Ekonomija

Sport