Sunday, December 22, 2024

Raġel mixli wara li seraq flus kontanti mis-Suq tal-Belt

Aqra wkoll

Justin Mallia ta’ 26 residenti Bormla ingħata sentenza ta’ ħabs wara li ammetta li seraq flus kontanti mis-Suq tal-Belt Valletta. Ftit tal-jiem ilu kien tressaq il-Qorti fejn kien ġie akkużat li wettaq serqa mill-Mużew Marittimu.

Hekk kif tressaq il-Qorti, quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, Mallia wieġed ħati tal-akkużi kontrih.

L-Ispettur Prosekutur Gabriel Micallef qal lil Qorti li Mallia kien seraq €930 fi flus kontanti u dawn kienu ġew irraportati neqsin fl-14 ta’ Marzu li għadda.

Filmati CCTV u deskrizzjonijiet mogħtija minn nies li kienu fil-viċinanzi wasslu għall-identifikazzjoni ta’ Mallia. L-imputat ġie mitkellem fil-ħabs ta’ Kordin, fejn kien qed jinżamm b’rabta mas-serqa mill-Mużew Marittimu.

Waqt l-interrogazzjoni Mallia ammetta li kien seraq il-flus, iżda dawn qatt ma ġew irritornati.

L-avukat difensur Martina Herrera talbet lill-Qorti biex tagħti piena minima liema talba sabet l-approvazzjoni tal-prosekuzzjoni. Hi qalet li l-akkużat qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jirritona l-flus li seraq.

Il-Qorti kkundannat lil Mallia 12-il xahar ħabs kif ukoll ordnatlu biex fi żmien 6 xhur minn meta jinħeles mill-ħabs jgħaddi l-flus li seraq lill-Pulizija biex dawn jiġu rritornati.

Ekonomija

Sport