L-elezzjoni riċenti tal-Kunsill Studentesk tal-Università ta’ Malta (KSU) ġabet magħha bidla storika li ftit kienu qed jistennew. Għall-ewwel darba mis-snin disgħin, il-kontroll assolut tal-għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) litteralment iċċaqlaq, hekk kif grupp ta’ kandidati indipendenti rnexxielhom jiksbu karigi ewlenin fosthom il-Presidenza.
Fil-qalba ta’ dan ir-riżultat hemm Nick Muscat, student li mexxa kampanja mibnija fuq prinċipju sempliċi iżda qawwi: “mill-istudent għall-istudent”.
F’din l-intervista li ta lil dan il-ġurnal, Muscat jitkellem dwar is-suċċess miksub, l-isfidi li ffaċċja u l-viżjoni tiegħu għall-futur tar-rappreżentanza studenteska.
“Dan kien mument kbir ħafna għalina,” jibda jgħid Muscat b’ton ta’ sodisfazzjon ċar.
“Onestament, jien kburi ħafna b’dak li għamilna bħala tim. Ma kinitx mossa faċli li nidħlu bħala indipendenti kontra struttura li ilha snin twal stabbilita, imma konna organizzati ferm u determinati li nagħmlu d-differenza.”
Huwa jfakkar li għal snin twal, il-KSU kien dominat minn forza waħda, u kien ilu mill-2018 li ma kienx hemm aktar minn pożizzjoni waħda mirbuħa minn kandidati indipendenti. “Dan jagħmel ir-riżultat tagħna aktar sinjifikanti,” jgħid. “Mhux biss irbaħna l-presidenza, imma rnexxielna ndaħħlu aktar vuċijiet differenti fil-kunsill.”
Il-motto tal-kampanja tagħhom “mill-istudent għall-istudent” ma kienx slogan li ġie vvintat kif ġie ġie, iżda riflessjoni tal-viżjoni tagħhom. “Ridna nkunu tassew qrib tal-istudenti,” jispjega Muscat. “Jien kont diġà involut fil-KSU bħala kummissarju soċjali u anke dħalt bħala indipendenti minn qabel. Dejjem ħassejt il-bżonn li nibqa’ konness man-nies, f’dal-każ l-istudent, nisma’ l-problemi tagħhom u nipprova nsib soluzzjonijiet reali.”
Huwa jammetti li l-għażla li jibqa’ indipendenti ma kinitx dejjem l-aktar triq faċli. “Xi drabi tkun aktar diffiċli, għax ma jkollokx l-istess struttura warajk. Imma jien nemmen li l-indipendenza tagħtik ukoll libertà akbar biex taħseb u taġixxi fl-aħjar interess tal-istudenti.”
Meta mistoqsi dwar ir-rwol tal-istudenti fl-università, Muscat ma jħalli l-ebda dubju. “L-istudent għandu vuċi, u din mhix biss idea, hija mniżżla fil-liġi. Ir-rappreżentanza studenteska hija parti essenzjali mis-sistema universitarja. Hemm bżonn li l-istudent jitkellem, jikkritika fejn hemm bżonn u jipparteċipa fid-deċiżjonijiet.”
Din il-fehma hija riflessa wkoll fil-mod kif jara l-futur tal-KSU. “Ma rridux kunsill li jaħdem waħdu. Irridu kunsill li jkun fi djalogu kontinwu mal-istudenti u mal-amministrazzjoni tal-università.”
Muscat, li ggradwa fl-istudji Ewropej u bħalissa qed isegwi kors tal-masters fil-liġi komparattiva Ewropea, jaf sew kemm hi diffiċli li tibbilanċja l-istudju ma’ responsabbiltajiet oħra. “Mhux faċli, veru,” jistqarr. “Imma meta tagħmel xi ħaġa għax temmen fiha, issib il-mod. Għandi prijoritajiet ċari u nipprova nqassam il-ħin tiegħi bl-aħjar mod possibbli.”
Huwa jżid li l-fatt li għandu tim b’saħħtu jgħinu ħafna. “Aħna tnax-il membru fl-eżekuttiv, u nemmen li għandna grupp kapaċi u motivat. Dan jagħmel differenza kbira, għax ix-xogħol ma jaqax fuq persuna waħda biss.”
Fil-fatt, minkejja li l-indipendenti kisbu erba’ siġġijiet biss kontra tmienja ta’ SDM, Muscat jara opportunità aktar milli ostaklu. “Dan ifisser li rridu naħdmu flimkien. Fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd hemm biex jaħdem għall-ġid tal-istudenti. Id-differenzi jistgħu jkunu pożittivi jekk jintużaw biex jinħolqu diskussjonijiet kostruttivi.”
Fost il-prijoritajiet tiegħu hemm li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-KSU u l-amministrazzjoni tal-università, inkluż mar-rettur il-ġdid Frank Bezzina. “Nixtieq li jkollna aktar diskussjonijiet miftuħa ma’ entitajiet differenti. Jekk nitkellmu flimkien, nistgħu nsibu soluzzjonijiet aħjar.”
Huwa jemmen li d-djalogu huwa ċ-ċavetta għal progress reali. “Mhux kollox se jkun faċli jew immedjat, imma jekk ikun hemm rieda li nisimgħu lil xulxin, nistgħu nimxu ‘l quddiem.”
Meta jiġi għall-messaġġ tiegħu lill-istudenti, Muscat huwa ċar u dirett. “Nixtieq ninkoraġġixxi lill-istudenti biex ma jibqgħux passivi. Mhux biżżejjed li tattendi lectures jew tkun preżenti fuq campus. Hemm bżonn li tieħu sehem, li titkellem magħna, li tesprimi l-opinjonijiet tiegħek.”
Huwa jfakkar li r-riżultat tal-elezzjoni huwa prova li l-vuċi tal-istudenti tista’ tinstema’.
“L-Erbgħa li għadda rajna b’mod ċar li meta l-istudenti jiddeċiedu li jitkellmu, jistgħu jagħmlu differenza. Dan għandu jkun biss il-bidu.”
Muscat jittama li aktar studenti jħossuhom motivati biex jinvolvu ruħhom. “Nixtieq nara aktar parteċipazzjoni, aktar ideat u aktar impenn. L-università mhix biss post fejn titgħallem minn kotba, iżda wkoll fejn tikber bħala persuna.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, huwa jerġa’ lura għall-mument storiku li wasslu għal din il-pożizzjoni. “Dan is-suċċess mhux tiegħi biss, imma tat-tim kollu u tal-istudenti kollha li emmnu fina. Aħna għamilna pass importanti, imma issa jibda x-xogħol veru.”


