Tuesday, May 21, 2024

Rally kbir fil-Moldova favur sħubija fl-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna, bla dubju ġabet taqlib sħiħ fir-relazzjonijiet internazzjonali. Bosta pajjiżi, partikularment dawk tal-Ewropa tal-Lvant, li sa ftit ilu kienu jemmnu li l-integrità territorjali tagħhom kienet sigura, issa qed jaħsbuha mod ieħor tant li qed ifittxu li jissieħbu fl-Unjoni Ewropea bil-għan li jkunu protetti minn xi theddida potemzjali fuqhom mir-Russja.

Nhar il-Ħadd li għadda sar rally kbir favur l-Unjoni Ewropea fil-kapitali tal-Moldova Chisinau, organizzat mill-President tal-pajjiż Maia Sandu.

Huwa stmat li 75,000 ruħ wieġbu għal dan ir-rally biex jappoġġjaw l-ispinta tal-Moldova biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Il-Moldova hija favur il-Punent u akkużat lir-Russja li qajmet tensjoni billi appoġġjat lill-partit tal-oppożizzjoni tal-Moldova li hu pro-Russja. Moska ċaħdet dan u ċaħdet ukoll li kienet qed tindaħal fl-affarijiet interni tal-pajjiż.

Il-President Maia Sandu qalet lid-dimostranti li pajjiżha ma jridx jibqa’ aktar fil-periferija tal-Ewropa filwaqt li wiegħdet li l-Moldova ssir nazzjon membru tal-Unjoni Ewropea sal-2030.

Waqt id-dimostrazzjoni, il-folol xejru bnadar tal-UE u kantaw slogans favur l-Ewropa waqt li semgħu lill-President tgħid li l-Moldova ma tridx li tiġi rikattata mill-Kremlin.

Fi Frar li għadda, Sandu akkużat lir-Russja li ppjanat biex tuża sabotturi barranin biex jitwaqqa’ l-gvern tagħha, u qalet li l-konfoffa kienet tinvolvi protesti mill-hekk imsejħa oppożizzjoni, bil-għan li jitwaqqa’ l-ordni kostituzzjonali.

Il-ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja ċaħad l-akkużi billi ddikjarahom bħala kompletament infondati u mhux sostanzjati.

Il-Moldova kienet repubblika Sovjetika u għandha popolazzjoni ta’ madwar 2.6 miljun. Is-sena l-oħra applikat biex tissieħeb fl-UE u f’Ġunju 2022 saret pajjiż kandidat, flimkien mal-Ukrajna.

L-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna aċċellerat it-tentattivi taż-żewġ pajjiżi biex jingħaqdu mal-blokk ta’ 27 nazzjon mhux l-inqas minħabba l-protezzjoni li toffri kontra kwalunkwe theddida Russa.

Il-Moldova ġiet affettwata ħażin mill-gwerra fl-Ukrajna, fejn f’diversi okkażżjonijiet missili Russi rrappurtati li għaddew mill-ispazju tal-ajru tal-Moldova fi triqthom lejn l-Ukrajna.

Il-pajjiż, li jinsab bejn l-Ukrajna u r-Rumanija, huwa wkoll dipendenti fuq il-gass Russu, xi ħaġa li Moska sfruttat is-sena li għaddiet billi naqqset il-provvista tagħha lill-Moldova bin-nofs.

Dan qanqal protesti fuq iż-żieda fil-prezz tal-gass u l-elettriku, li kkontribwixxa għar-riżenja tal-eks Prim Ministru tal-Moldova Natalia Gavrilita aktar kmieni din is-sena.

Il-Moldova qiegħda bil-mod timplimenta riformi li l-UE trid li jsiru qabel jibdew in-negozjati ta’ adeżjoni li jinkludu emendi għas-sistema tal-ġustizzja u impenn biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fil-livelli kollha.

Analiżi li kienet saret miċ-Ċentru ta’ Riċerka Pew turi li l-membri attwali tal-UE ngħataw status ta’ kandidati, bħala medja, tlett snin u nofs wara li applikaw.

L-applikazzjonijiet tal-Ukrajna u tal-Moldova ġew approvati ħafna aktar malajr minn hekk, u ħadu inqas minn erba’ xhur, iżda xorta jista’ jieħu xi żmien biex jiksbu status ta’ membru sħiħ.

Sport