Thursday, November 28, 2024

Rapport tal-KE jenfasizza kisbiet sinifikanti kif ukoll sfidi fis-settur edukattiv

Aqra wkoll

Illum tnieda uffiċjalment ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea “Malta’s Country Report Feedback in the Education and Training Monitor 2024”, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta.

Dan ir-rapport jenfasizza kisbiet sinifikanti u sforzi kontinwi biex jitjieb is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’pajjiżna u jindika wkoll sfidi. Rapport li jikkonferma l-impenn tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni biex jallinja l-politiki tiegħu mal-għanijiet edukattivi u tal-impjiegi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jindirizza sfidi ġodda biex jissaħħaħ aktar is-settur edukattiv.

Fost ir-riżultati l-aktar notevoli ta’ dan ir-rapport hemm ir-rata għolja ta’ impjieg, 96.2% fost il-gradwati ta’ livell terzjarju, li hija ferm ’il fuq mill-medja tal-UE ta’ 87.7%. Dan il-prestazzjoni qawwija tirrifletti l-effettività tas-sistema edukattiva ta’ Malta fil-preparazzjoni tal-istudenti għas-suq tax-xogħol u fl-assigurazzjoni ta’ tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għolja għall-karrieri professjonali.

Ir-rapport jenfasizza wkoll żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni fl-età bikrija (ECEC), wara deċennju ta’ tnaqqis gradwali, miġjuba mill-ftuħ ta’ 38 Child Care Centre ġdid bejn l-2022 u Settembru tal-2024. Barra minn hekk, Malta għamlet progress sinifikanti fil-kisba ta’ kwalifiki terzjarji, bir-rata tilħaq 46.3% fl-2023, li hija ’l fuq kemm mill-medja tal-UE ta’ 43.1% kif ukoll mill-mira tal-UE ta’ 45% għall-2030. Ir-rapport jgħid ukoll li pajjiżna ra żieda ta’ persuni li jiggradwaw barra minn pajjiżna, b’wieħed minn kull għaxar gradwati minn Istituzzjoni Terzjarja Maltija jikseb il-kwalifiki tiegħu barra mill-pajjiż, u b’hekk din issaħħaħ il-mobbiltà u l-kompetittività globali tal-gradwati Maltin u Għawdxin.

Ir-rapport jenfasizza l-importanza strateġika tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 (NES), li tieħu approċċ li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru, u tagħti prijorità lill-benesseri tal-istudenti u tal-edukaturi. In-NES tiddeskrivi miżuri biex jitjiebu r-riżultati edukattivi, inkluż żieda fil-ħin tal-qari fl-edukazzjoni bikrija biex jissaħħu l-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu. L-istrateġija tipprevedi reviżjoni komprensiva tal-edukazzjoni inizjali tal-edukaturi u l-programmi ta’ żvilupp professjonali kontinwu biex l-edukaturi jkunu aktar imħejjija għall-isfidi li qed jevolvu fis-settur edukattiv.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tan-NES huwa li jissaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) biex il-work force ta’ Malta tkun imħejjija għar-realtajiet ta’ ekonomija globali li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel. L-istrateġija tipproponi wkoll żieda fl-investiment fil-boroż ta’ studju għall-istudenti li qed isegwu studji fl-oqsma tax-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, u Matematika (STEM) u dawk li jissejħu ħiliet ħodor, flimkien mal-introduzzjoni ta’ sistema ta’ stipendju biex tħeġġeġ lill-istudenti jidħlu f’setturi fl-industrija li qed ifittxu ħaddiema f’dawn l-oqsma. In-NES timmira li tħeġġeġ kultura ta’ tagħlim tul il-ħajja billi ssaħħaħ l-edukazzjoni għall-adulti u tippromwovi s-sinerġiji bejn is-sistema edukattiva u l-ħtiġijiet tal-industrija.

Ir-rapport jenfasizza l-impenn ta’ Malta lejn is-sostenibbiltà, kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fil-politika nazzjonali usa’. L-edukaturi qed jingħataw taħriġ immirat biex jintegraw is-sostenibbiltà ambjentali fit-tagħlim tagħhom, u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet qed jidentifika lakuni fil-ħiliet ħodor u diġitali biex is-settur edukattiv ikun f’konformità mal-ħtiġijiet tal-industrija. Għal dan il-għan se jibdew workshops ta’ sostenibbiltà għall-edukaturi, li jsaħħu l-importanza tal-edukazzjoni ambjentali f’kull livell.

Ir-rapport jenfasizza wkoll sfidi ewlenin li għandhom bżonn attenzjoni kontinwa. Minkejja tnaqqis sinifikanti fil-ħruġ bikri mill-iskola matul l-aħħar għaxar snin, għad hemm sfidi. Biex jindirizza dan, il-Gvern qed jimplimenta riformi biex itejjeb is-sistemi ta’ identifikazzjoni bikrija għal studenti f’riskju, b’inizjattivi bħall-Programm Family Community School Link Programme, immirat biex jinvolvi lill-familji fl-appoġġ għall-kisba edukattiva. Filwaqt li l-edukazzjoni STEM għamlet progress notevoli, ir-rapport jenfasizza li l-perċentwal ta’ studenti li jiggradwaw minn dixxiplini STEM għadu relattivament baxx, partikolarment il-parteċipazzjoni femminili. L-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali 2024–2030 tfittex li tindirizza din il-lakuna bejn is-sessi billi tippromwovi mudelli femminili pożittivi u ssaħħaħ is-sħubijiet mal-industrija biex tħeġġeġ aktar involviment femminili fl-oqsma STEM.

Ir-rapport jirrifletti l-progress ta’ Malta filwaqt li jirrikonoxxi x-xogħol li għad irid isir biex jitjiebu r-riżultati edukattivi. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jibqa’ impenjat biex jindirizza dawn l-isfidi u jiżgura li l-istudenti kollha jkollhom l-opportunità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport