Monday, May 13, 2024

Regoli ġodda għal dawk li jridu jiksbu Y-Plate u &-Tag

Aqra wkoll

Ġew approvati u se jidħlu fis-seħħ regoli ġodda għal min irid jikkwalifika għal dik magħrufa bħala Y-Plate u Y-Tag. Dawn ir-regoli jingħaqdu ma’ oħrajn li diġà tħabbru ftit tal-ġimgħat ilu u li kif ingħad u kien ikkomunikat, saħansitra fil-Parlament, huma maħsuba biex jirregolaw aħjar dan is-settur bil-għan li s-servizz offrut ikun ta’ livell ogħla u iktar sigur. Fost il-bidliet li se jkun hemm b’avviżi legali li se jkunu ppubblikati fil-jiem li ġejjin hemm:

Xufiera li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea: Kull persuna li tapplika biex tikseb jew biex iġġedded il-permess ta’ xufier u t-tag biex issuq cab bil-Y Plate, irid ikollha liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Malta jew minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Persuni ta’ nazzjonalità barranija li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea mhux se jibqgħu jikkwalifikaw għat-tag biex isuqu karozzi żgħar Y-Plate bil-liċenzja ta’ pajjiżhom. Qabel dan kien permess għal perjodu ta’ sena sakemm tinkiseb liċenzja ta’ Malta jew ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea. It-tag issa se jikkwalifika għaliha min ikollu liċenzja ta’ Malta jew ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Se jinbidel il-kors u l-ittestjar isir b’kurrikulu ġdid: B’effett mis-17 ta’ Lulju se jkun qed jiġi aġġornat il-kurrikulu, il-kors u l-ittestjar bħala parti mill-proċess biex xufier jikseb il-permess u t-tag biex jaħdem. Dan se jkun qiegħed isir biex jgħolli l-livell tax-xufiera li jaħdmu f’dan il-qasam. Mhux se jkun hemm ebda test jew applikazzjonijiet ġodda qabel is-17 ta’ Lulju. It-testijiet se jibdew isiru fil-binjiet ta’ Transport Malta stess.

Iż-żamma tal-vettura: Se jkunu qed jiġu intensifikati l-ispezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar biex jiġi żgurat li l-karozzi Y-plates qed jinżammu f’kundizzjoni ta’ manutenzjoni tajba u diċenti. Dan se jkun qed isir b’żieda ma’ dak li diġà jsir fil-Vehicle Roadworthiness Test eżistenti.
Dawn il-miżuri jingħaqdu ma’ miżuri li diġà kienu tħabbru fl-istqarrija ta’ Transport Malta tat-23 ta’ Mejju 2023:

Dikjarazzjoni tal-garaxx: Mit-23 ta’ Lulju, l-operaturi jridu, kull sena mat-tiġdid tal-liċenzja ta’ operatur tagħhom, jipprovdu rapport maħruġ minn perit bis-site plan tal-garaxx li fih iridu jipparkjaw il-vetturi tagħhom meta ma jkunux qed jintużaw.

Din is-site plan trid tkun turi biċ-ċar in-numru ta’ spazji ta’ karozzi li huma għall-użu esklussiv tal-operatur, u l-perit għandu jikkonferma li dawn l-ispazji huma biżżejjed biex jipparkjaw il-vetturi kollha li huma reġistrati taħt il-liċenzja tal-operatur.

Ipparkjar tal-vetturi waqt li ma jkunux fl-użu: Minkejja li waqt li ma jkunux qed jiġu operati, Y-plates suppost ikunu fil-garaxx, mit-23 ta’ Lulju, ix-xufiera se jkollhom iċ-ċans li jipparkjaw f’kaxxi bojod biss għal massimu ta’ siegħa mingħajr ma jkunu mal-vettura.

Iżda, ix-xufiera tal-Y-plates ma jistgħux jipparkjaw il-vetturi biex jistennew il-booking li jmiss f’distanzi li huma sa 100 metru ’l bogħod mill-vened tat-taxis il-bojod.

F’ċerti każijiet partikolari, bħaż-żona tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Valletta Cruise Port u Ferry Landings, din id-distanza titla’ għal 250 metru. Dan se jsir bit-teknoloġija tal-geofencing u se jaċċerta li ma jkunx hemm tlajjar żejjed ta’ vetturi Y-plates f’dawn iż-żoni.
L-awtoritajiet mhux biss qed idaħħlu dawn ir-regoli, iżda qed iżidu wkoll l-isforzi tagħhom fejn jidħol infurzar. Se jsiru t-tibdiliet neċessarji fil-liġi sabiex l-uffiċjali tal-LESA u l-korp tal-pulizija jkunu awtorizzati huma wkoll biex joħorġu l-kontravenzjonijiet neċessarji f’każ ta’ abbuż mir-regolamenti tal-parkeġġ. Se jkun hemm ukoll l-ingaġġ ta’ esperti forensiċi minn Transport Malta biex tkun f’pożizzjoni aħjar li tidentifika potenzjal ta’ abbuż b’tags foloz u b’hekk tkun assigurata l-integrità tal-ħruġ tal-liċenzja f’pajjiżna.

Fl-aħħar nett, se jibdew minnufih diskussjonijiet u konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati kollha biex b’effett mill-2025, kull karozza reġistrata ġdida bħala Y-Plate tkun elettrika. B’hekk il-flotta futura ta’ din l-industrija tkun fost l-ewwel li tkun elettrifikata.

Sport