Fl-aħħar jiem il-Parlament Ewropew approva regoli ġodda dwar il-karozzi, liema regoli huma intiżi biex iħarsu aktar l-ambjent.
Ir-regoli ġew approvati b’437 vot favur, 112 kontra u 20 astensjoni.
B’dan ir-regoli l-ġodda l-plastik f’kull karozza ġdida għandu jkun ta’ kwalità ta’ 15% riċiklat u dan se jkun obbligatorju fi żmien 6 snin. Imbagħad fi żmien għaxar snin dan il-persentaġġ irid jitla’ għal 25%.
Skont dawn ir-regoli, 20% mill-plastik riċiklat li se jkun qiegħed jintuża fil-karozzi l-ġodda jrid ikun ġej minn karozzi li jkunu skrappjati.
Dwar karozzi second hand, meta tiġi biex tinbiegħ, is-sid irid jipprova li din ma kientx fi stat li tiġi skrappjata jew inkella ċertifikat li din għadha tajba għat-triq.
Biex ma jkunx hemm spejjeż żejda fuq iċ-ċittadini, tranżazzjonijiet bejn persuni privati jkunu jeħtieġu wieħed minn dawn iż-żewġ dokumenti jekk il-vettura tkun dikjarata total loss.
Aktar minn hemm, tliet snin wara li jkunu daħlu dawn ir-regoli, dawk li jjimmanifatturaw l-karozzi se jkollhom l-obbligu li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-ġbir u dak li jsir b’vetturi li jkun għadda żmienhom.
Il-liġi tal-UE se twaqqaf ukoll l-esportazzjoni ta’ vetturi li jiġu dikjarati li mhux tajbin biex jintużaw fit-toroq. Dan l-obbligu se jidħol fi żmien 5 snin u huwa intiż biex jindirizza l-każijiet ta’ karozzi rappurtati neqsin.
Huwa kkalkulat li fil-pajjiżi tal-UE hemm 285.6 miljun vettura u kull sena 6.5 miljun vettura jieqfu jintużaw għax meqjusin antiki.
Ċifri tal-2023 juru li 14.8 miljun vettura kienu manifatturati fl-UE.

