Friday, June 26, 2026

Jibda x-xogħol fuq spazju miftuħ fil-Floriana

Aqra wkoll

F’Masġar il-Ġubilew (Pinetum) fil-Floriana, fiż-żona magħrufa bħala Sa Maison, beda x-xogħol fuq żona ta’ madwar 58,000 metru kwadru. Is-sit huwa wieħed mill-aħħar glażiż fil-Gżejjer Maltin, b’rabta storika li tmur lura għal żmien il-Kavallieri.

Dan tħabbar waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Keith Azzopardi Tanti. Għal bidu ta’ dawn ix-xogħolijiet kien hemm preżenti wkoll it-tim ta’ Project Green, is-Sindku tal-Floriana Nigel Holland u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali.

Bħalissa beda x-xogħol ta’ tindif fuq is-sit kif ukoll beda xogħol ta’ restawr fuq in-Nissen Huts, li kienu nbnew mill-Ingliżi u li aktar tard intużaw bħala mħażen minn kumpanija tat-telekomunikazzjoni. Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-masterplan tal-Ġonna Nazzjonali Botaniċi, dawn l-istrutturi se jinbidlu f’serer u ġonna botaniċi, u se jservu wkoll bħala ċentri ta’ taħriġ.

“Bi proġett wieħed wara l-ieħor qed inkomplu nipprovdu aktar spazji miftuħa għall-pubbliku. Din id-darba qed naraw ir-riabilitazzjoni ta’ sit li għal diversi snin kien abbandunat, u li issa, grazzi għall-ħidma ta’ Project Green, se jerġa’ jieħu l-ħajja. Fl-istess ħin, dan il-proġett se jkun qed jingħaqad ma’ sensiela ta’ proġetti oħra li qed jitwettqu fiż-żona tal-Port il-Kbir,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“B’investiment b’saħħtu ta’ aktar minn €7.2 miljun f’fondi Ewropej, qed nagħtu ħajja ġdida lil din iż-żona storika fil-Floriana ta’ 58,000 metru kwadru. Il-fondi Ewropej huma għodda sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies — billi noħolqu aktar spazji miftuħa għall-familji, inżidu s-siġar, u fl-istess ħin inħarsu l-wirt storiku u l-ambjent tagħna b’mod sostenibbli,” tenna l-Ministru Keith Azzopardi Tanti.

David Ellul, Project Manager ta’ dan il-proġett, spjega li din ir-riabilitazzjoni hija pass importanti biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi spazju miftuħ ieħor li jgħaqqad l-wirt storiku mal-ambjent. “L-għan ta’ dan il-proġett huwa li nagħtu ħajja ġdida lil dan l-ispazju miftuħ, li għal diversi snin kien mitluq u espost għal abbużi. Permezz ta’ din ir-riabilitazzjoni, se nkunu qed noħolqu żoni rikreattivi għall-picnics, nirranġaw il-passaġġi u fl-istess ħin nirrispettaw it-topografija eżistenti tas-sit,” qal David Ellul.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport