Bosta residenti li jinsabu f’San Vinċenz De Paul daħlu fl-ispirtu tal-Ġimgħa Mqaddsa, permezz ta’ diversi attivitajiet li qegħdin isiru fl-stess faċilità.

Propju llum saret il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fejn ħadu sehem madwar 180 volontier bħala, reffiegħa, volontiera, personaġġi u suldati. Attendew ukoll bosta qraba ta’ residenti u xi wħud mill-impjegati ta’ San Vinċenz de Paul.
Kien hemm ukoll bosta vari, li nħadmu minn Michael Bonnici, impjegat ta’ San Vinċenz de Paul u li huwa wkoll skultur u artist.

Għal din il-purċissjoni, minbarra li attendew il-qraba u membri tal-pubbliku, attendew wkoll anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani, filwaqt li r-residenti nħarġu fl-ispazji pubbliċi biex ikunu jistgħu jgawdu l-purċissjoni. Dan filwaqt li dawk li ma setgħux joħorġu, setgħu jsegwu kollox mill-gallariji u l-btieħi tas-swali stess.