Wednesday, April 24, 2024

RESPONSABBILTAJIET TAL-ĠURNALIŻMU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Nisimgħu ħafna dwar l-importanza tal-ġurnaliżmu u kif fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, il-ġurnalisti jixirqilhom jingħataw kull ħarsien u libertà li jaħdmu. Wieħed jaqbel ma’ dil-pożizzjoni mingħajr l-ebda riżerva. Il-ġurnaliżmu jikkostitwixxi dimensjoni neċessarja tad-demokrazija.

Biss bħal kull servizz ieħor, l-eżerċizzju tiegħu jġib ukoll responsabbiltajiet. Dwar hekk ma tantx nisimgħu. Pereżempju, x’impenn għandu jkun hemm fil-ġurnaliżmu lejn il-verità tal-fatti? Kif għandu jiġi osservat?

Xi kriterji għandhom jintużaw biex tinżamm distinzjoni ċara fir-rapportaġġi bejn dak li hu kumment u dawk li huma fatti? Jew m’għandu jkun hemm l-ebda kriterji li jmorru f’das-sens?

Meta jissemma’ l-ġurnaliżmu “indipendenti”, m’għandhomx stqarrijiet li jirreferu għal dan l-istatut ikunu akkumpanjati b’informazzjoni li turi l-appoġġi finanzjarji jew oħrajn li fuqu dal-ġurnaliżmu jistrieħ biex ikompli għaddej?

L-EFFETTI TAL-BREXIT

Se jkun diffiċli ħafna biex fiż-żmien li ġej, wieħed jasal għal stima tajba ta’ x’qed ikunu l-effetti tal-Brexit fuq l-ekonomija Ewropea — u dik Brittanika. Fin-nofs daħlu l-effetti tal-pandemija u ż-żewġ effetti se jibqgħu jitħalltu u jitħawdu flimkien.

Hemm xi mod kif jistgħu jiġu mifruda minn xulxin?

M’għandix dubju li r-riċerkaturi akkademiċi se joħolqu mudelli ekonomiċi li minnhom jiddeduċu kif l-affarijiet ġraw u se jiġru b’rabta separata maż-żewġ ġrajjiet għaddejja flimkien. Niddubita kemm mudelli hekk jispiraw biżżejjed fiduċja dwar il-preżent u l-futur fost min jieħu d-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ investiment u l-bqija.

B’xorti ħażina, mhux biss iż-żewġ effetti ikkontribwew bil-kbir għat-tqanqil tal-inċertezzi eżistenti, imma fil-mod kif tħalltu flimkien ħolqu t-tielet sors ta’ inċertezza.

LIVELLI TA’ TAXXI

Id-diskors li jqum ta’ spiss dwar taxxi jikkonċerna l-ħtieġa li mal-pajjiżi kollha, tidħol rata minima ta’ taxxa fuq il-profitti tal-kumpaniji. Dan biex titnaqqas il-kompetizzjoni fuq taxxa bejn il-pajjiżi li tgħin lill-kumpaniji — speċjalment dawk kbar — biex jevitaw li jħallsu taxxi dovuti minnhom. L-istess diskors idur ukoll fuq il-ħtieġa li l-kumpaniji li jaħdmu f’aktar minn pajjiż wieħed jiddikjaraw kemm qed ibigħu u jagħmlu profitti f’kull wieħed. 

Ftit tista’ tikkritika dawn il-perspettivi ħlief mill-punt li qed iservu biex jimbottaw lill-pajjiżi kollha lejn l-istess keffa ta’ kif u ta’ kemm jintaxxaw u lil min.

Biss iqum ukoll il-punt li għat-taxxi li qed jinġabru għandha tingħata ġustifikazzjoni. Għal liema proporzjon tal-ekonomija (“Gross Domestic Product”) ta’ kull pajjiż jammontaw? Fhiex qed jintefqu? B’liema konsegwenzi?

Ili nsibha ħaġa stramba kif dawn il-mistoqsijiet ftit li xejn jitqanqlu minn dawk li jagħmlu pressjoni kbira biex it-taxxi fi ħdan l-Unjoni Ewropea jitressqu lejn l-istess livell. Imma x’livell se jkun? U kif  se jintgħażel?

Sport