Friday, December 27, 2024

“Riċerka b’bażi soda dwar il-Living Income li mhix perċezzjoni”

Is-Segretarju Kendrick Bondin dwar l-istudju “The Maltese Living Income” li se jitnieda fil-jiem li ġejjin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin se jitħabbru r-riżultati ta’ studju bl-isem “The Maltese Living Income” li l-għan tiegħu huwa dak li jiddefinixxi u jikkalkula x’inhu l-Living Income għal tipi ta’ familji u individwi differenti f’Malta. Dan l-istudju sar b’ħidma konġunta bejn il-General Workers’ Union (GWU), l-Alleanza Kontra l-Faqar (AKL) u l-Moviment Graffitti. 

Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi. Huwa spjegalna li dan l-istudju ħa ‘l fuq minn 22 ġimgħa u fih ġew intervistati ‘l fuq minn 1,000 persuna filwaqt li saru diversi ‘focus groups’ u anke intervisti oħra fuq bażi individwali. 

“Il-GWU rat biex tapplika għal fondi Ewropej, biex inkunu nistgħu noħorġu tender għal din ir-riċerka. Ridna naraw x’inhi l-Living Income f’Malta. Imxejna skont ir-regolamenti tal-procurement u ġiet magħżula l-kumpanija Re-Think Advisory Ltd,” spjega Bondin.

“Ridna wkoll li jkun hemm soċjologu u ekonomista biex jieħdu ħsieb l-aspett soċjali u anke dak ekonomiku. Ħriġna dan it-tender speċifikatament biex ir-riċerkaturi jkunu indipendenti mill-għaqdiet li qed imexxu dan il-proġett.”

Is-Segretarju Bondin qal li r-riċerkaturi raw kemm x’definizzjoni jista’ jkun hemm ta’ Living Income u anke ċ-ċirkostanzi li jwasslu biex id-dħul ta’ ċertu individwi ma jlaħħaqx il-Living Income. Dan l-istudju mistenni jidentifika wkoll liema huma dawk il-gruppi fis-soċjetà li huma l-aktar f’riskju li jkunu f’din is-sitwazzjoni.

“Ir-riċerkaturi tkellmu ma’ residenti Maltin ġejjin kull sfera tas-soċjetà. Rajna x’qed jgħidulna n-nies, x’qed jesperjenzaw u l-infiq tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Fir-rigward tal-ispejjeż li jolqtuhom, rajna li dawn kienu komuni għal ħafna minnhom. Affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dar, min għandu dar bil-loan, u oħrajn bil-kera. Imbagħad għandek bżonnijiet oħra bżonnjużi bħall-ikel u x-xorb.”

Is-Segretarju Bondin tenna li fil-konferenza stampa li se ssir fil-jiem li ġejjin, se jingħataw aktar dettalji ta’ dan l-istudju. Il-ħsieb huwa li dan imbagħad jitressaq quddiem l-imsieħba soċjali fl-MCESD għad-diskussjoni biex jaraw kif l-aħjar ikun implimentat.

“Għandna riċerka b’bażi soda sabiex ikollna diskussjoni tajba u mhix biss perċezzjoni imma hemm xi ħaġa li rridu naħdmu fuqha,” temm jgħidilna s-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi. 

Ekonomija

Sport