Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ma laqgħetx talba ta’ Rumen li qed jiġi akkużat ma’ ħuħ li fl-2019 importa 24 kilo cannabis grass biex il-każ tiegħu jinstema qquddiem il-Qorti tal-Maġistrati u mhux jgħaddi ġuri.
Cosmin Constantin Losub ta’ 24 sena u ħuħ Bogdan Lonut Losub ta’ 26 sena huma akkużati li fil-5 ta’ Settembru ta’ 2019 importa l-ħaxixa f’Malta f’ċirkustanzi li juru li ma kenitx għall-użu personali tagħhom. Iż-żewġ aħwa kienu nqabdu bid-droga li nstabet moħbija f’karozza mal-wasla tagħhom minn Pozzallo.
Cosmin Constantin Losub ippreżenta t-talba tiegħu biex ma jgħaddix ġuri fis-7 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Avukat Ġenerali.Fir-rikors tiegħu, Cosmin Constantin Iosub qal li dakinhar tal-arrest kellu biss 19-il sena u li l-involviment tiegħu fir-reat kien bl-aktar mod minimu.
Hu jirreferi għar-rwol li kellu ħuħ li kien ‘courier’ tad-droga filwaqt li hu kien involut f’dan il-każ mingħajr ma kien jaf. Qal ukoll li fl-istqarrija tiegħu li jammetta li kien konxju li ħuh fil-fatt kien qed jagħmel xi ħaġa illegali imma li hu ma kellu l-ebda involviment bi ftit għarfien ta’ dak li kien fil-fatt kien qed iseħħ.
Fir-rikors qal li hu ma kienx konxju ta dak li kien qiegħed jiġri jew tal-kwantità tad-droga li kienu qegħdin jimportaw. Qal ukoll li kien fil-post żbaljat fil-ħin ħażin waqt li qed jakkumpanja lil ħuh.
Qal ukoll li hu ma kellu l-ebda rabtiet mad-droga u l-ebda involviment tiegħu fil-ħabi tad-drogi.Huwa jirreferi għal xhieda tar-rappreżentant tal-Virtu Ferries li kkonferma li fil-vjaġġi preċedenti ma kienx preżenti u kien biss ħuh li kien involut.
L-Imħallef Neville Camilleri fis-sentenza tiegħu qal li biex wasal għad-deċiżjoni semma diversi linji gwida li japplikaw għall-persuni akkużati kollha li għandhom 16-il sena u aktar. Il-Qorti qalet li persuna akkużata b’dan ir-reat, għandu jiġi ġġudikat il-ħsara jew il-ħsara potenzjali kkawżata mir-reat.
Il-Qorti ħadet ukoll inkunsiderazzjoni dwar jekk l-akkużat organizza jew idderieġa xiri u bejgħ ta’ droga fuq skala kummerċjali. Li l-akkużat kellu rabtiet sostanzjali ma’ u influwenza sinifikanti fuq persuni oħra f’katina. Li l-akkużat kellu rabtiet mill-qrib mal-oriġini sors tad-drogi; li l-akkużat għamel qligħ finanzjarju sostanzjali jew kellu aspettattiva ta’ gwadann finanzjarju sostanzjali.