Monday, May 13, 2024

Riġenerazzjoni ta’ spazju miftuħ fil-qalba tal-Birgu ffinanzjat mill-Aġenzija LESA

Aqra wkoll

Spazju li kien mitluq għal bosta snin fi Triq il-Ħabs l-Antik fil-Birgu, inbidel f’wieħed miftuħ u riġenerat li jista’ jitgawda mill-komunità tal-Birgu – proġett li ġie ffinanzjat mill-Aġenzija LESA, u tmexxa mill-Kunsill Lokali tal-Birgu. Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’tisbiħ taż-żona, installazzjoni ta’ bankijiet u għamara oħra, u tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ.

Permezz tal-Aġenzija LESA, twettqu jew qed jitwettqu 60 proġett fil-qalba tal-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex, bi sħab mal-Kunsilli Lokali, b’investiment ta’ aktar minn €3 miljun u dan bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-istess aġenzija, li tinvesti l-flus miġbura mit-taħrikiet lura fil-komunità.

Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, qal kif permezz tal-Aġenzija LESA l-Gvern qed ikompli jinvesti fil-qalba tad-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

“Investejna fi spazju miftuħ fil-Birgu bi sħab mal-Kunsill Lokali, fi Triq il-Ħabs l-Antik, fejn permezz ta’ dan l-investiment, dan l-ispazju li sa ftit taż-żmien ilu kien wieħed mitluq, inbidel f’post li jistgħu jgawdu minnu r-residenti. Ninsabu kommessi li nibqgħu ninvestu mhux biss fil-Birgu iżda f’lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall spjega kif dan il-proġett sar bl-iskema tal-Aġenzija LESA li ġiet varata sentejn ilu u l-Kunsill Lokali tal-Birgu ra kif minnufih jikseb fondi minnha.

“Spazju żgħir li kien mitluq u issa ġie trasformat f’żona ta’ rikreazzjoni speċjalment għan-nies ta’ din il-lokalità. Nirringrazzja lill-aġenzija li qed tagħmel dawn il-fondi aċċessibbli, filwaqt li nappella lill-Kunsilli Lokali oħra sabiex huma wkoll jibbenefikaw minn din l-iskema sabiex jagħmlu postijiet isbaħ u aħjar għar-residenti tagħhom,” temm jgħid is-Sindku tal-Birgu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, is-Sur Svetlick Flores, qal li l-Aġenzija LESA qed tkompli tinvesti fil-komunitajiet permezz ta’ 60 proġett madwar il-pajjiż li qed jitgawdew jew ser ikunu qed jitgawdew mill-pubbliku fiż-żmien li ġej.

“Hawnhekk, qed naraw spazju miftuħ li sa ftit tas-snin ilu dan kien spazju abbandunat u, b’investiment ta’ aktar minn €50,000, sar żona rikreattiva li tista’ titgawda mir-residenti,” temm jgħid is-Sur Flores.

Sport