F’ċerimonja speċjali ġiet iċċelebrata s-6 edizzjoni tal-Premjazzjonijiet għall-Ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), fejn ġew rikonoxxuti b’mod uffiċjali dawk l-impjegati u timijiet li matul l-2024 urew impenn eċċezzjonali f’kull aspett tal-kura u s-servizzi għall-anzjani.
F’din is-serata ġew onorati diversi rebbieħa li ġew l-ewwel fil-kategoriji rispettivi tagħhom. Is-sezzjoni Projects & Estate rebħu l-premju għall-Aħjar Tim ta’ Residenza, filwaqt li ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Mellieħa ġew rikonoxxuti bħala l-Aħjar Ċentru tal-Anzjanità Attiva jew tad-Dimensja. L-Active Ageing Unit ġie magħżul bħala l-Aħjar Servizz fil-Komunità, waqt li s-sezzjonijiet tas-CEO Administration u Procurement ħarġu rebbieħa bħala l-Aħjar Sezzjoni Amministrattiva. Il-premju għall-Aħjar Manager ingħata lil Jane Micallef, u dak għall-Aħjar Impjegat kien attribwit lil Mark Zammit. Fl-aħħar nett, permezz ta’ votazzjoni live waqt l-avveniment, l-entità Victim Support Agency (VSA) ġiet magħżula bħala l-Aħjar Entità Kollaborattiva tas-sena.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela qal, “Din is-serata hija turija ta’ rikonoxximent lejn dawk li jagħmlu differenza fis-skiet, b’ħidma umana u b’kompassjoni bla qies.” Huwa saħaq kif bil-ħidma tal-professjonisti fi ħdan l-AACC, mhux biss qed jgħinu imma wkoll itejbu l-ħajja ta’ numru ta’ pazjenti Għawdxin u Maltin.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal, “Filwaqt li qed inkomplu nwessgħu s-servizzi u nżidu ċ-ċentri fil-komunità, huwa l-impenn u l-passjoni tagħkom li jagħmlu dawn il-politiki realtà. Intom is-sinsla ta’ dak li nwettqu kuljum għal anzjanità attiva u dinjituża.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-AACC, Dr Renzo De Gabriele, saħaq ukoll fuq l-importanza li jkomplu jkabbru kultura fejn il-ħaddiema jiġu mfaħħra, ispirati u appoġġjati sabiex itejbu kontinwament il-kwalità tas-servizz offrut.