Illum wara nofsinhar tħabbret riżenja oħra fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hekk kif Roselyn Borg Knight ħabbret li rriżenjat minn Segretarju Internazzjonali tal-partit.
Hija qalet li ħadet din id-deċiżjoni biex tkun tista’ tiffoka fuq il-professjoni tagħha.
“Fir-rwol tiegħi, kelli l-pjaċir naħdem ma’ Dr Bernard Grech u ħafna kollegi oħra, li nirringrazzjahom tal-appoġġ tagħhom. Ksibt esperjenzi siewja fuq livell internazzjonali, u kburi li kkontribwejt għat-tisħiħ tal-profil tal-PN barra minn Malta. Se nibqa’ nappoġġja lill-PN u l-isforzi tiegħu biex Malta ssir pajjiż aħjar,” kitbet fuq il-midja soċjali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irringrazzja lil Roselyn Borg Knight u wera fiduċja li hi se tibqa’ tagħti l-kontribut u l-appoġġ lill-Partit fix-xhur u s-snin li ġejjin. Fil-ġranet li ġejjin se jkun qed jiftaħ il-proċess sabiex jinħatar is-suċessur fil-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali.
Ftit tal-jiem ilu d-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone kien qal li wara din il-leġiżlatura se jirtira mill-politika elettiva. Riżenji oħra fi ħdan il-PN kien hemm ta’ George Muscat u Tiffany-Abela Wadge, li rtiraw il-kandidatura tagħhom mill-partit.