Sunday, November 24, 2024

Rumen jintbagħat 21 xahar ħabs fuq serqa minn residenza li seħħet fl-2015

Aqra wkoll

Rumen ta’ 32 sena, li kien estradit lejn Malta biex jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ serqa li seħħet minn appartament fl-2015, kien ikkundannat 21 xahar ħabs wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

George Cristian Mandrescu, li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrrugia mixli li seraq apparat elettroniku u ġojjellerija minn residenza fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera. 

Il-Pulizija qalet li mill-istħarriġ li sar, irriżulta li l-allegat ħalliel kien qiegħed jgħix fi Spanja u għaldaqstant inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Huwa kien arrestat mill-Guardia Ċivil ta’ Spanja u wara li tressaq fil-Qorti Spanjola, ir-Rumen ġie rrilaxxat lill-awtoritajiet Maltin.

Ir-raġel inġieb Malta l-Ħamis li għadda skortat mill-Pulizija Maltija u tressaq ilbieraħ fil-Qorti fejn wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Huwa kien ikkundannat sena u disa’ xhur ħabs, li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li għamel taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christine Delia. L-Avukat Joe Brincat deher għal Mandrescu.

Sport