Friday, April 26, 2024

Ryan Schembri jgħid lill-Pulizija li kien qed jaħdem fuq proġett kbir biex iħallas lill-kredituri tiegħu

Aqra wkoll

Ryan Schembri kien stqarr mal-Pulizija li huwa minn dejjem kellu l-intenzjoni li jħallas lill-kredituri tiegħu u li kien ilu jaħdem fuq “proġett kbir” sa mill-2015 biex ikun jista’ jħallas lill-kredituri tiegħu. 

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Anthony Scerri hekk kif ilbieraħ bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Schembri li qed jiġi mixli bi frodi u ħasil ta’ flus. Schembri, l-eks sid tal-More Supermarkets kien estradit lura lejn Malta f’April li għadda wara li kien arrestat fl-Iskozja b’mandat ta’ arrest ewropew. 

L-Ispettur Anthony Scerri beda biex qal li f’Novembru tal-2020, huwa ħa l-każ f’idejh u ngħata file li kien fih tliet ilmenti minn Darren Casha, fejn kien allegat li l-imputat kien wettaq frodi li jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro. 

L-Ispettur Scerri qal li f’Ġunju tal-2013, Casha daħal garanti għal terza persuna – Adrian Zammit – li kien għadda €2 miljun lil Schembri fil-forma ta’ ċekkijiet għal impriża kummerċjali fl-importazzjoni tal-laħam. 

L-Ispettur tkellem ukoll mal-impjegati ta’ Schembri li kkonfermaw li l-eks imgħallem tagħhom idderiġihom biex jiddepożitaw dawn iċ-ċekkijiet. Il-Qorti ġiet infurmata li Casha kien qed jidher ukoll għal kreditur ieħor.

Wara dawn l-ilmenti, il-pulizija ħarġet dak li hu magħruf bħala “avviż blu” kontra Schembri, li jintuża sabiex javża lill-investigaturi dwar il-movimenti ta’ persuna barra l-pajjiż. 

Intqal li Casha u Schembri kienu ltaqgħu l-Libja u qablu li jingħaqdu fin-negozju tal-importazzjoni tal-laħam u l-ikel. Magħhom ingħaqad ċertu Mohammed li kellu kumpanija msejħa “Copacobana”. 

Casha kien qal lill-pulizija li hu u Schembri kienu żaru ditta tal-awditjar b’Schembri jagħmel preżentazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ u l-kontijiet tal-kumpanija. “Casha kien sostna li Schembri kien irnexxielu jikkonvinċi lill-awdituri. Iżda meta Schembri ħarab minn Malta, Casha kien iffaċċjat b’lista ta’ kredituri li riedu l-ħlas. Skont Casha dak li ħallielu Schembri kienet “it-tabella tal-ħanut More”. 

L-Ispettur Scerri qal lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li meta kien qed jiġi ppreparat li jinħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali għal Schembri, huwa kien irċieva lment ieħor minn ċertu Steve Delia.

L-Ispettur qal li Delia kien allega li ta €115,000 lil Schembri, parti fi flus u parti oħra f’ċekkijiet. Schembri kien allegatament ħallaslu lura €109,000 permezz ta’ ċekk bankarju tal-Banif f’Ġunju tal-2014 iżda dan kien ibbawnsja. 

“Tressaq ilment fil-Qorti f’Ottubru 2014 u mbagħad il-Pulizija sabet ilment ieħor minn Etienne Cassar. F’dan l-ilment kien allegat li Schembri kien qed jaġixxi minn wara dahru, f’isem il-kumpanija tagħhom Cassar & Schembri. Iżda kreditur ieħor, Ian Azzopardi kien allega li kien ta lil Schembri €100,000 u €50,000,” qal l-Ispettur li semma wkoll kif Adrian Agius magħruf bħala tal-Maksar kien ukoll involut f’negozju ma’ Schembri u ġab ammonti kbar ta’ investiment permezz ta’ terzi. 

Ix-xhud kompla jispjega li l-Pulizija kienet tkellmet mal-mara ta’ Schembri li tathom dettalji ta’ kif kienu ħarbu mill-pajjiż. Hija spjegatilhom li f’ġurnata partikolari f’Settembru, Schembri kien qalilha biex tippakkja l-affarijiet tagħha għax kienu se jitilqu l-għada. 

Qalet li kienu saqu l-Mercedes tagħhom lejn il-katamaran u marru Sqallija u minn hemm qabdu titjira lejn Amsterdam. Minn hemm marru Dubai u wara l-Awstralja u mbagħad reġgħu lura Dubai. 

Intqal li Schembri kien siefer ma’ martu u ibnu u kien ħallas kollox fi flus kontanti. Il-karozza kien ħallieha fl-ajruport ta’ Katanja b’missieru jibgħat tow-truck biex jiġborha u wara jbigħha. Il-karozza kienet irreġistrata f’isem omm Schembri. 

L-Ispettur Scerri qal li fl-2017, il-pulizija tar-Renju Unit informaw lill-pulizija Maltija li l-imputat kien ivvjaġġa minn Dubai lejn ir-Renju Unit iżda qal li “għal xi raġuni, ma nistax nifhem għalfejn il-pulizija Maltija ma kienet għamlet xejn dakinhar.” 

Scerri qal li bejn l-2017 u sakemm ħa l-każ f’idejh kien għadda ħafna żmien. Il-Pulizija kienu ħarġu mandat ta’ arrest internazzjonali fil-11 ta’ April u l-imputat kien arrestat fil-ġurnata ta’ wara mill-Pulizija Skoċċiża. Intqal li saru żewġ seduti fil-Qorti Skoċċiża qabel ġie estradit lejn Malta. 

F’Malta Schembri ġie interrogat u sostna li “dan kien biss negozju li mar ħażin”. Huwa kien qal lill-investigaturi li minn dejjem kellu l-intenzjoni li jħallas lill-kredituri tiegħu. Qal li kien qed jaħdem fuq “proġett kbir sa mill-2015” speċifikatament biex ikun jista’ jħallas lill-kredituri tiegħu.

Il-Pulizija kienu ipprovaw jakkwistaw xi data mill-mobile tiegħu iżda huwa rrifjuta milli jagħtihom il-password. Kemm il-Maġistrat kif ukoll l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali saqsew jekk Schembri kienx informa lill-kredituri tiegħu b’dan il-proġett, bl-Ispettur jgħid li l-imputat kien qallu li ma kienx għamel dan. 

Sadanittant, Schembri kien ukoll qal lill-Pulizija li l-ewwel li nduna li n-negozju tiegħu kien sejjer ħażin kien f’Novembru tal-2014 iżda sostna li kien f’dik is-sitwazzjoni qabel u kien jittama li jħallas lill-kredituri tiegħu.

Intqal li l-Pulizija Skoċċiża kienet ikkonfiskat tagħmir elettroniku mingħand Schembri taħt mandat. Dan it-tagħmir ġie ppreżentat fil-Qorti. Schembri kien ilu madwar xahar jgħix l-Iskozja qabel ġie arrestat u kien qed joqgħod fil-proprjetà tal-kunjata tiegħu.

Il-każ ikompli f’Ġunju. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Anthony Scerri u l-Avukat Karl Muscat milll-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Roberto Montalto qed jidher għal Schembri.

Sport