Sal-aħħar ta’ Jannar tal-2026 kien hemm mal-1,035 persuna b’diżabilità li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku 

Aqra wkoll

Skont informazzjoni li għandha Jobsplus, fl-aħħar ta` Jannar 2026, in-numru ta’ persuni  b’diżabilità  li kienu impjegati fis-Servizz Pubbliku (Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern) kien ta’ 1,035.. Jobsplus u l-Fondazzjoni Lino Spiteri joffru servizzi u skemi biex jassistu persuni b’diżabilità jintegraw fuq il-post tax-xogħol inkluż fis-settur pubbliku.

Iddikjara dan il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonatthan Attard fil-Parlament meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Julian Borg

Il-Ministru Attard irrimarka li waħda mill-iskemi hija dik tal- VASTE II Programme, programm li huwa iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew Plus jipprovdi assessjar multidixxiplinari, taħriġ bħal Programm Sheltered Employment Training (taħriġ li jipprovdi taħriġ assistit għall-persuni b’ diżabilità l-aktar severa bl’għan li jtejbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol), jobcoaching, mentoring u gwida personalizzata u appoġġ kontinwu lil persuni b’diżabilità tul il-proċess ta’ tfittxija u żamma tal-impjieg. 

Semma wkoll skema oħra, dik tal-Bridging the Gap Scheme. Din hija skema li toffri esperjenza u taħriġ prattiku fuq il-post tax- xogħol lill-persuni b’diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra. Din l-iskema tgħin lill-parteċipanti jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw għotja fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali.  L-għan aħħari huwa li l-persuna b’ diżabilità tiġi impjegata wara t-tmiem ta’ din l-iskema.

Il-Minsitru Attard tenna jgħid li f’każ li s-settur pubbliku jkun jixtieq iħaddem persuni b’diżabilità, Jobsplus flimkien mal-Fondazzjoni Lino Spiteri, jassistu fil- proċess tal-għażla billi jirreferu persuni b’diżabilità li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol għall-post vakanti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport