Fl-aħħar sigħat, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba bagħat ittra lill-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, Maroš Šefčovič, dwar id-dazju l-ġdid fuq pakketti ta’ valur baxx mibgħuta direttament lill-konsumaturi permezz tal-kummerċ elettroniku. Mill-1 ta’ Lulju, il-konsumaturi ġew obbligati jħallsu soprataxxa ta’ €3 fuq kull oġġett ordnat minn barra l-Unjoni Ewropea meta l-valur totali tal-ordni jkun inqas minn €150. Din il-miżura qajmet mistoqsijiet dwar jekk l-impatt tagħha huwiex ġust għall-konsumaturi kollha fis-Suq Uniku Ewropew.
Alex Agius Saliba spjega kif “bħala Membru tal-Parlament Ewropew li jirrappreżenta liċ-ċittadini Maltin, ġbidt l-attenzjoni tal-Kummissarju lejn l-effett sproporzjonat li dan id-dazju l-ġdid qed ikollu fuq il-konsumaturi fi Stati Membri żgħar u remoti. Il-fatt li Malta hija gżira joħloq ostaklu naturali bejn pajjiżna u l-bqija tas-Suq Intern Ewropew, u dan iwassal għal prezzijiet ogħla u inqas kompetizzjoni meta mqabbla ma’ pajjiżi kontinentali bħall-Italja. Il-konsumaturi Maltin m’għandhomx l-istess aċċess bi prezzijiet baxxi li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u għalhekk il-kummerċ elettroniku sar alternattiva essenzjali fis-suq Malti.”
L-għan ta’ dan id-dazju fuq il-kummerċ elettroniku huwa li jipproteġi lill-produtturi u lill-bejjiegħa minn kompetizzjoni inġusta. Madankollu, il-leġiżlaturi Ewropej għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jsegwu mill-qrib il-konsegwenzi mhux intenzjonati ta’ dawn il-miżuri straordinarji, li jistgħu jwasslu għal riżultati inġusti.
Alex Agius Saliba qal ukoll kif illum “diġà qed naraw kif pjattaformi ewlenin tal-kummerċ elettroniku, bħal Temu, qed jevitaw dan id-dazju billi waqqfu ċentri ta’ distribuzzjoni u hubs loġistiċi fi Stati Membri akbar bħall-Ġermanja, Franza, Spanja u l-Italja. Dan wassal għal differenzi sostanzjali fil-prezzijiet li jħallsu l-konsumaturi. Pereżempju, konsumatur fi Sqallija jista’ jixtri l-istess prodott bi prezz ferm aktar baxx minn konsumatur Malti. Fil-każ ta’ prodotti ta’ valur baxx, is-soprataxxa tista’ twassal biex il-prezz finali jkun sa 50% jew ogħla. Dan huwa sproporzjonat u inġust.”
Fl-ittra tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea, Agius Saliba talab li jiġi mmonitorjat b’attenzjoni l-impatt li dan id-dazju doganali qed ikollu fuq is-swieq nazzjonali differenti tal-Istati Membri. Huwa sostna li l-effetti sproporzjonati fuq Stati Membri gżejjer u żgħar għandhom jiġu investigati, peress li dawn jistgħu jwasslu biex il-konsumaturi f’dawn il-pajjiżi jiġu penalizzati aktar, minkejja li diġà qed jiffaċċjaw prezzijiet ogħla u għażla aktar limitata meta mqabbla ma’ konsumaturi f’partijiet oħra tas-Suq Intern.
