Monday, May 18, 2026

‘Salvajna. Flimkien’ – Fabio Luca Muscat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Tmiem il-ġimgħa li għaddiet se jibqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ Żabbar St. Patrick F.C. hekk kif il-klabb salva postu fil-Malta Premier wara rebħa drammatika ta’ 2-0 wara l-ħin barrani kontra Tarxien Rainbows FC fil-play-off tar-relegazzjoni li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium.

Din ma kinitx biss rebħa bħall-oħrajn. Kienet rebħa li ġabet magħha emozzjonijiet qawwija, sens ta’ għaqda u kisba storika għall-klabb ta’ Ħaż-Żabbar. Grazzi għal dan is-suċċess, Zabbar St Patrick se jilgħab fil-Premier League għat-tielet staġun konsekuttiv għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu.

Dan is-sit ħa l-kummenti tal-President tal-klabb Fabio Luca Muscat li ma felaħx jaħbi l-emozzjoni tiegħu. Kliemu kien riflessjoni ċara ta’ dak kollu li għadda minnu l-klabb matul dan l-istaġun diffiċli.

“Emozzjonanti ħafna. Irnexxielna niksbu r-riżultat meta kollox deher li se tkun iebsa ħafna għalina,” qal Muscat. “Konna ġejjin minn telfa kontra Tarxien Rainbows stess ftit jiem qabel, mentalment ma kinitx sitwazzjoni faċli. Barra minn hekk kellna diversi plejers importanti neqsin u konna nafu li se nkunu taħt pressjoni kbira.”

Il-konfront kien wieħed bilanċjat għal ħin twil. Iż-żewġ timijiet kienu konxji mill-importanza enormi tal-logħba u għalhekk il-biża’ li jsir żball kienet evidenti. Minkejja dan, il-plejers ta’ Żabbar baqgħu jemmnu sat-tmiem.

Wara disgħin minuta mingħajr gowls, il-logħba marret għall-ħin barrani. Meta kollox kien jidher li l-logħba kien se tmur għall-għoti tal-penalties, Żabbar sabu il-mument tagħhom. Fil-108 minuta, Ayom Majok fetaħ l-iskor wara azzjoni tajba mil-lemin. Imbagħad, fit-117-il minuta, il-veteran Mario Fontanella għalaq il-logħba b’penalty li bagħat lill-partitarji ta’ Żabbar f’dellirju ta’ ferħ.

Għal Muscat, din ir-rebħa kienet frott tal-karattru li wera t-tim.

“L-attitudni u l-perseveranza tal-plejers kienu straordinarji,” sostna. “Meta tkun taħt pressjoni bħal din, trid plejers li ma jaqtgħux qalbhom. Dawn il-plejers wrew qalb kbira u personalità.”

Il-President ta’ Żabbar ma nesiex jirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu wara l-kwinti biex dan is-suċċess ikun possibbli.

“Nixtieq nirringrazzja lill-coaching staff, lill-istaff tekniku, lill-plejers, lill-voluntiera kollha u lill-partitarji tagħna. In-nies ta’ Ħaż-Żabbar baqgħu jemmnu fina u komplew jappoġġjawna anke meta l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb. Dan ir-riżultat huwa mertu ta’ kulħadd.”

Kliemu kien jirrifletti mhux biss sodisfazzjon sportiv, iżda wkoll sens ta’ appartenenza lejn komunità li tgħix il-futbol b’passjoni kbira.

“Illum kienet ġurnata emozzjonanti ħafna,” kompla Muscat. “Mhux għax sempliċement salvajna postna fil-Premier League, iżda minħabba dak kollu li għadda minnu dan il-klabb biex wasal hawn. Dan il-klabb ifisser ħafna għal ħafna nies u llum tajna kollox biex inżommuh fejn jixraqlu jkun.”

L-istorja ta’ Fabio Luca Muscat ma’ Zabbar St. Patrick hija waħda marbuta mill-qrib ma’ waħda mill-aktar fażijiet importanti fl-istorja moderna tal-klabb. Sentejn ilu, Żabbar irritorna fil-Malta Premier wara assenza ta’ għoxrin sena mill-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Dik il-promozzjoni kienet meqjusa bħala kisba storika, iżda Muscat u l-kumitat tiegħu ma waqfux hemmhekk.

Fil-fatt, l-akbar sfida kienet li l-klabb jistabbilixxi ruħu fost l-aqwa timijiet tal-pajjiż. F’kampjonat dejjem aktar kompetittiv, Żabbar kellu jiġġieled kontra timijiet b’aktar esperjenza u baġits akbar. Minkejja dan, il-klabb baqa’ kompetittiv u rnexxielu jibni mentalità ta’ reżiljenza.

Muscat huwa meqjus bħala persuna li tagħti importanza kbira lill-għaqda bejn il-kumitat, il-plejers u l-partitarji. Diversi drabi saħaq li s-suċċess ma jiġix minn individwu wieħed iżda minn ħidma kollettiva.

“Lill-partitarji tagħna rrid ngħidilhom grazzi,” qal emozzjonat. “Grazzi talli emmintu fina anke fl-iktar mumenti diffiċli. Grazzi talli bqajtu magħna meta r-riżultati ma kinux ġejjin. Leħinkom, il-passjoni tagħkom u l-lealtà tagħkom tawna s-saħħa fil-mumenti li kellna bżonnha l-aktar.”

Dawn il-kelmiet kienu simbolu tal-għaqda li nħolqot bejn il-klabb u l-komunità tiegħu matul dawn l-aħħar snin. Għal ħafna partitarji ta’ Zabbar, is-salvazzjoni fil-Premier kienet tfisser ħafna aktar minn sempliċi post fil-kampjonat. Kienet konferma li l-klabb illum għandu stabbiltà u futur.

Il-logħba kontra Tarxien kienet waħda mimlija tensjoni sal-aħħar sekondi. Tarxien ukoll daħlu għall-konfront motivati wara li ftit jiem qabel kienu għelbu lil Żabbar 3-2 wara l-ħin barrani fid-decider għall-għaxar u l-ħdax-il post. Iżda din id-darba, Żabbar kien aktar determinat.

Anke meta l-logħba dehret destinata li tmur għall-penalties, it-tim baqa’ jemmen fil-pjan tiegħu. Dan il-fatt impressjona ferm lil Muscat, li jemmen li l-karattru tal-iskwadra kien determinanti.

“Futbol bħal dan jinbena fuq il-fidi u fuq il-qalb,” sostna. “Aħna qatt ma qtajna qalbna. Kull min kien involut ta l-massimu tiegħu.”

Issa, wara dan is-suċċess storiku, Żabbar St. Patrick jista’ jibda jħares lejn il-futur b’aktar ottimiżmu. It-tielet staġun konsekuttiv fil-Premier mhux biss rekord għall-klabb, iżda wkoll sinjal ċar tal-progress li sar taħt it-tmexxija ta’ Fabio Luca Muscat.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-messaġġ tiegħu kien wieħed sempliċi iżda b’saħħtu: “Salvajna. Flimkien.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport