Tliet nisa ġew arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga minn residenza fil-Qrendi. Wara jiem ta’ investigazzjonijiet, ilbieraħ, għall-ħabta tas-1:00 p.m., il-Pulizija, permezz ta’ mandat mill-Qorti, wettqet rejd fir-residenza.
Minn tfittxija li saret instabet madwar 100 gramma sustanza allegatament kokaina, b’valur fissuq ta’ madwar €13,000. Mill-post ġew elevati wkoll diversi oġġetti b’rabta mat-traffikar tad-droga, kif ukoll numru ta’ mobiles.
Il-persuni arrestati li għandhom 40 sena mill-Qrendi, 35 sena mill-Belt Valletta u 28 sena mill-Belt Valletta wkoll, ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana. Il-mara ta’ 35 sena mistennija titressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ 12:00 p.m.,
quddiem il-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici LL.D., akkużata bi traffikar tal-kokaina kif ukoll li kisret numru ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti b’rabta ma’ ħelsien mill-arrest.
L-investigazzjonijiet fil-konfront taż-żewġ persuni l-oħra għadhom għaddejjin.

